Il-Gvern nieda strateġija ġdida għas-Servizz Pubbliku bl-għan warajha jkun li dan jibqa’ jagħti servizz ta’ eċċellenza.
Ħabbar dan is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ħamis filgħodu u li attendew għaliha l-ogħla uffiċjali fi ħdan is-Servizz Pubbliku.
Waqt id-diskors tiegħu, is-Sur Cutajar spjega kif din l-istrateġija, bl-isem ‘Lejn Servizz ta’ Eċċellenza’, se tkun maqsuma fuq perjodu ta’ ħames snin u tinkludi fiha ħamsa u erbgħin inizjattiva.
Qal, “Qed nitkellmu fuq servizz ta’ eċċellenza li tfisser li allura jkollna servizzi pubbliċi mingħajr intoppi, servizz pubbliku li l-klijent ma jaqtax qalbu li jużah, li jkun aċċessibbli ferm iktar aħjar. Servizz li jtik ħafna iktar milli tistenna minnhu.”
Fil-fatt, din l-istrateġija se tkun maqsuma wkoll skont temi differenti li se jservu bħala programm ta’ ħidma biex titwettaq din il-viżjoni fiż-żmien stipulat.
Il-Kap taċ-Ċivil irrimarka diversi kisbiet li għamel is-Servizz Pubbliku fl-aħħar snin fosthom il-fiduċja li kompliet tissaħħaħ fl-amministrazzjoni pubblika u r-rikonoxximenti internazzjonali fosthom fl-e-government, is-servizzi diġitali tal-Gvern.
Spjega, “Mingħajr il-ħtieġa ta’ kwoti llum il-ġurnata n-nisa jagħmlu xi 48% tal-persuni li huma f’livelli ta’ deċiżjonijiet mal-Gvern imma iktar minn hekk qegħdin niplacejaw minn servizz pubbliku li kien issue politika fl-2013, illum il-ġurnata qiegħed fl-ewwel post fl-Ewropa fl-egovernment, mhux li ssib postok fl-ewwel post, taħdem għalih iva imma l-isfida li tibqa’ hemmhekk.”
Din l-istrateġija ġdida flimkien mal-proċess ta’ tiġdid li għadda minnu s-Servizz Pubbliku bejn l-2013 u l-2021 huma dokumentati f’żewġ pubblikazzjonijiet separati u li jistgħu jiġu aċċessati b’mod elettroniku mis-sit tas-servizz pubbliku.