Qegħdin hawn biex ngħinuk u mhux biex niġġudikawk.
Din hija t-tema ta’ strateġija fost l-adoloxxenti kontra l-użu tad-droga, li għandha l-għan li tqajjem għarfien dwar ir-realtà li teżisti tal-abbuż tas-sustanzi u twitti t-triq biex ħadd ma jaqta’ qalbu u jfittex l-għajnuna.
Iż-żgħażagħ huma fiċ-ċentru tal-kampanja, għaliex ħafna drabi jduru għall-vizzji biex jaħarbu minn ċertu realtajiet li jkunu qed iħabbtu wiċċhom magħhom.
Il-ġenituri wkoll se jkollhom irwol kruċjali, għaliex dawn jaffaċċjaw sfidi kbar biex jikkomunikaw ma’ uliedhom dwar l-abbuż tas-sustanzi. Għaldaqstant, din il-kampanja se tagħti informazzjoni siewja lill-ġenituri u anki lill-edukaturi dwar kif għandhom jindunaw b’ċertu sinjali meta ż-żgħażagħ ikunu daħlu f’ċirku vizzjuż.
Il-kampanja se titmexxa b’sinerġija bejn il-Bord li jagħti pariri dwar il-Vizzji, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u s-Sedqa.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, tkellem dwar waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex iż-żgħażagħ jirrikorru għad-droga, li ħafna drabi tibda mit-tfulija.
Qal, “It-tfal iridu żarbun tad-ditta, ġakketta tad-ditta, satchel tad-ditta u jibqgħu sejrin hekk u meta tasal ċertu età, it’s cool li tieħu dak it-tip ta’ xorb, it’s cool li tesperimenta bit-tipjip u it can get out of control u tispiċċa fil-vizzju.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon, saħaq fuq l-importanza li f’każijiet bħal dawn, wieħed qatt ma jiġġudika u l-għan ewlieni wara din il-kampanja huwa li tagħraf ir-realtajiet tal-lum u teduka lil kulħadd dwar sinjali li juru li persuna tkun qed tagħmel użu mid-droga.
Qal kif, “Kampanja fuq bażi nazzjonali fejn ħa naraw u nwasslu messaġġ li l-ewwel, m’aħniex qed niġġudikaw, it-tieni li qegħdin hemm biex ngħinu, u t-tielet nirrikonoxxu li min ġie għall-għajnuna, ġie għax għandu kuraġġ.”
Din il-kampanja se tkun iffinanzjata b’madwar disgħin elf ewro mill-Aġenzija Komunità Malta, li hija responsabbli mill-investiment dirett barrani kollu marbut mal-programmi ta’ residenza li jwasslu għal ċittadinanza.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat, qal li b’dan il-mod, il-ġid li sar għal pajjiżna mill-programm ta’ residenza b’investiment qed jintuża għal kawża ġusta.
Spjega, “Qed naraw li l-ġid li qed niġġeneraw minn dawn il-programmi, qed nużawhom biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tagħna billi nevitaw l-addictions u bla dubju li kampanja bħal din ilu ma jkollna waħda f’pajjiżna u aħna dehrilna li niffinanzjawha kompletament minn Komunità Malta biex dak il-ġid li qed niġġeneraw, jasal għand kulħadd.”