Il-Kumissjoni Ewropea ppreżentat strateġija sabiex tħaffef il-proċess għal vaċċin għall-Coronavirus. Fil-fatt hemm finanzjament ta’ 2.7 biljun ewro.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-aħjar soluzzjoni għal din il-pandemija huwa vaċċin li jkun effettiv u sigur għall-pubbliku, filwaqt li qalet li dan il-vaċċin ser ikun qed isalva eluf ta’ nies u biljuni ta’ ewro.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola Von Der Leyen qalet li tinsab kunfidenti li se jkun hemm riżorsi biżżejjed sabiex jinstab dan il-vaċċin u eventwalment jingħeleb dan il-virus.
B’din l-istrateġija, il-Kummissjoni qed tara li f’temp ta’ aktar minn sena jew ftit inqas, jinstab dan il-vaċċin sabiex kulħadd ikun sigur.
S’issa diġa’ hemm qbil bejn diversi stati membri favur vaċċin li jkun aċċessibbli għal kulħadd.
Sabiex iseħħ dan il-Kummissjoni, f’isem il-pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea, ser tkun qed tidħol fi qbil ma’ diversi produtturi tal-vaċċini u anki tiffinanzja sa minn qabel biex il-produtturi jkollhom kapital biex jaħdmu.