Hija stramba li għaqda volontarja bħalma hi Repubblika ma tkunx taf minn fejn ġejjin il-flus li tirċievi, speċjalment fl-isfond tal-appelli li jsiru lill-partiti politiċi biex ikunu trasparenti f’dan ir-rigward.
Qalet dan il-gazzetta Illum fl-editorjal tagħha, b’rabta ma’ dak li ħabbret bħal-lum ġimgħa, li l-għaqda Repubblika rċeviet donazzjonijiet mingħand persuni li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija permezz tal-programm ta’ ċittadinanza; programm li għal aktar minn darba kienet qalet li għandu jitwaqqaf.
Wara r-rapporti fil-midja u r-reazzjonijiet li kien hemm għalihom, ta’ Repubblika rritornaw il-flus lura lid-donatur.
“Jekk azjendi u gruppi oħra qed jintalbu jżommu rendikont finanzjarju strett ta’ avvanzi finanzjarji, inkluż minn fejn ġejjin il-flus, ma nistgħux nifhmu kif dan m’għandux japplika ukoll għall-għaqdiet volontarji, b’mod speċjali għaqda li titkellem dwar governanza u trasparenza!” ikkummenta l-editorjal.
Il-gazzetta Illum fakkret li l-aħbar li tat kienet ibbażata fuq informazzjoni mogħtija fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari, u nnutat kif wara li ppubblikatha qamu l-irwiefen kollha, fosthom minn avukati u mill-Fondazzjoni Daphne.
Min-naħa tiegħu l-President ta’ Repubblika Robert Aquilina – ħu d-deputat tal-establishment tal-PN, Karol Aquilina, qal li ma kienx jaf min kien tahom din id donazzjoni.
Filwaqt li enfasizza li l-ir-rwol ta’ kull gazzetta hu li tirrapporta dak li hu ta’ interess għan-nies, l-editorjal tal-Illum qal li fil-passat il-gazzetta ma ddejqitx turi kif ċerti avukati, awdituri, u accountants li kitbu jew pprotestaw b’mod voċiferu l-programm ta’ ċittadinanza kienu huma stess joperaw servizz biex jieħdu l-eluf minn applikazzjonijiet għal ċittadinanza.
Mill-programm taċ-ċittadinanza b’investiment li ġie fit-tmiemu fl-2020 pajjiżna daħħal ’il fuq minn €1.7 biljun. Filwaqt li pajjiżna ra li jżomm dawn it-tip ta’ programmi, żgura wkoll li jkompli jsaħħaħ l-iskrutinju rigoruż fil-konfront ta’ dawk li japplikaw għal ċittadinanza Maltija.