L-ivvjaġġar fil-Belġju kien affettwat drastikament illum bi strajk nazzjonali bħala protesta kontra r-riformi ġodda tal-pensjonijiet, b’eluf ta’ ħaddiema, fosthom għalliema, dawk tat-trasport pubbliku u fl-ajruporti u l-istazzjonijiet tal-ferroviji jmexxu diversi manifestazzjonijiet.
Il-kumpanija tal-ferroviji SNCB ikkonfermat li tnejn minn kull tliet ferroviji ma kinux qed jaħdmu, filwaqt li numru kbir ta’ titjiriet tħassru u oħrajn jiġu skedati mill-ġdid. Ħafna tfal ukoll baqgħu d-dar hekk kif mal-20,000 għalliem ħadu sehem fl-azzjoni industrijali.
Mill-ewwel ta’ din is-sena, l-età tal-irtirar fil-Belġju żdiedet b’sena għal 66 sena u mistennija titla’ għal 67 sena sal-2030.
Dan minbarra li hemm aktar tibdiliet proposti mill-gvern il-ġdid elett f’Ġunju li għadda, li wkoll mhuma jinżlu xejn tajjeb mal-ħaddiema tas-settur pubbliku.