Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni ħareġ stqarrija sabiex jiċċara l-fatti, wara dak li kiteb fuq il-mezzi soċjali is-Sindku tal-Mellieħa Gabriel Micallef dwar il-proġett tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa.
Hawn intqal li, dak li ntqal huwa skorrett, kif jaf tajjeb l-istess Micallef, u b’hekk qed jiġu ppubblikati dawn il-fatti:
Il-post li ntgħażel, wara li kienu esplorati possibilitajiet oħrajn, huwa l-unika post vijabbli fejn setgħet tibda topera l-iskola tal-Mellieħa.
Għalhekk matul is-sena skolastika kurrenti l-iskola se tibqa’ tintuża, imma mis-sena skolastika li jmiss, jiġifieri minn Settembru 2025, l-Iskola Primarja tal-Mellieħa se tibda topera minn skola temporanja f’Selmun, fl-istess lokalità. Dan se jsir permezz tal-użu ta’ klassijiet prefabrikati. Bħalissa qed isiru l-preparazzjonijiet kollha biex il-klassijiet prefabrikati jiġu mmuntati fil-post.
Irid jiġi ppreċiżat li l-post intgħażel għaliex huwa l-uniku post fejn l-istudenti jibqgħu flimkien u ma jiġux segregati. Irid jiġi ppreċiżat ukoll li l-parti li se tittieħed f’Selmun ma tinkludix it-trakka u parti biss mill-bandli.
Il-proġett tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa jinvolvi t-twaqqigħ tal-iskola eżistenti biex tinbena waħda ġdida u li tkun takkomoda l-popolazzjoni dejjem tikber ta’ din il-lokalità. L-iskola l-ġdida, li se tkun tista’ tilqa’ fiha madwar 600 tifel u tifla, se tinbena fis-sit tal-iskola preżenti, kif ukoll fuq medda t’art biswit.
Minħabba li ż-żona hija arkeoloġikament sensittiva għaliex hemm xelters taħt l-art u karatteristiċi ta’ qtugħ fil-blat relatati ma’ attivitajiet militari ta’ qabel, ix-xogħlijiet kollha ta’ twaqqigħ u tħaffir se jkunu taħt is-sorveljanza tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.
L-iskola l-ġdida se tkun mifruxa fuq tlett sulari ’l fuq mil-livell tat-triq u tinkludi l-bini ta’ parkeġġ taħt l-art għal aktar minn 100 karozza, ċentru għall-ħarsien tat-tfal, kindergarten, l-iskola l-primarja, kmamar għall-konferenzi, librerija, sala, u gym, kif ukoll faċilitajiet anċillari. Il-proġett se jinkludi wkoll il-bini ta’ substation li eventwalment se tintuża mill-Enemalta.
L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett se tinvolvi t-tħaffir tas-sit biswit il-binja tal-iskola eżistenti. It-tieni fażi se tinkludi t-twaqqigħ tal-iskola l-antika u l-bini tal-iskola l-ġdida.
L-iskavar tas-sit biswit il-binja tal-iskola eżistenti mistenni li jibda fil-qrib, skont il-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar bir-referenza PA/2255/18. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed tiżgura li dan ix-xogħol ikun konformi mar-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà, inkluż ta’ min juża l-iskola.
L-applikazzjoni għat-twaqqigħ tal-iskola l-antika u l-bini tal-iskola l-ġdida kienet sottomessa quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar f’Jannar 2025, bit-tracking number 292050.
Minkejja dak li ntqal, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kien infurmat b’dan kollu permezz ta’ diversi laqgħat li kellu ma’ rappreżentanti tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS), fosthom laqgħat f’Settembru u f’Diċembru tal-2024. Il-Kunsill Lokali kellu wkoll laqgħa mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, nhar it-8 ta’ Jannar, 2025. Għal din il-laqgħa attendew rappreżentanti tal-FTS, fosthom il-Kap Eżekuttiv, Dr Neville Young, u professjonisti mill-entità. Matul il-laqgħa kienu spjegati sew il-proġetti, kemm tal-bini tal-Iskola Primarja l-ġdida, kif ukoll tas-sit u l-immuntar tal-klassijiet prefabrikati f’Selmun.
Kif ġie mgħarraf il-Kunsill ukoll, nhar il-Ġimgħa 4 t’April se ssir laqgħa u preżentazzjoni lill-ġenituri tat-tfal, flimkien mal-amministrazzjoni tal-iskola u rappreżentanti mill-FTS, fil-bini tal-Iskola Primarja eżistenti, temmet tgħid din l-istqarrija.