L-uniku partit li juri att ta’ sfiduċja fl-istituzzjonijiet u jattakkahom meta ma jaqbilx magħhom, huwa l-Partit Nazzjonalista li jrid saltna tad-dritt à la carte.
Iddikjara dan il-Partit Laburista, b’reazzjoni għal stqarrija mill-Partit Nazzjonalista li ħareġ kontra r-riforma mħabbra fl-inkjesti maġisterjali.
Kompla li r-riforma, li qed iressaq il-Gvern, hi kontra l-abbuż mill-ġustizzja u favur is-sewwa u, bil-kontra tal-Oppożizzjoni, turi fiduċja fl-istituzzjonijiet kollha tal-Istat, li għandhom jaħdmu dejjem favur it-tfittxija tal-verità.
Intqal kif il-Partit Nazzjonalista, maħkum minn fergħa estremista, komdu jkun kontra s-salvagwardji li jħarsu t-twettiq tal-ġustizzja, għax l-interess tiegħu hu biss partiġġjan u li jkisser nies għalxejn, billi jinqeda b’min hu obbligat lejh.
L-istqarrija temmet tgħid li Gvern Laburista jibqa’ kommess li jwettaq bidliet importanti b’qafas regolatorju ċar u li għandu mis-sewwa.