B’referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Kunsill Lokali Floriana dwar id-diskussjonijiet li għaddejjin dwar dak li qed jiġi propost fi Triq Sant’Anna, il-Floriana, il-Partit Laburista sostna kif il-Kunsilliera Laburisti tal-Floriana nnutaw kif is-Sindku ppubblika stqarrija fuq il-media soċjali tal-Kunsill, f’isem il-Kunsilliera kollha tal-lokal, bla ma kkonsulta mal-Kunsilliera kollha.
Dan għaliex din l-istqarrija inħarġet wara ftit mumenti li s-Sindku bagħat email lill-Kunsilliera biex jaraw jekk jaqblux mal-kontenut tal-istqarrija u qabel id-data tal-iskadenza biex il-Kunsilliera jibgħatulu r-rispons tagħhom.
Stqarrija mill-Partit Laburista irrimarkat li għall-Kunsilliera Laburisti tal-Floriana, dan huwa abbuż ta’ poter mis-Sindku, li f’ċirkostanza bħal din kellu jew jistenna sal-ħin li ta hu stess, jew jekk ried joħroġ stqarrija b’tant għaġġla, jikteb fl-istqarrija stess min huma l-Kunsilliera li qed jaqblu mal-kontenut tagħha.
“Il-Kunsilliera Laburisti jemmnu li affarijiet ta’ natura simili fejn il-Kunsill jieħu deċiżjoni uffiċjali, għandha tissejjaħ laqgħa għax ir-raġuni u d-diskussjoni jirbħu fuq l-għaġġla u l-popoliżmu li bihom qed imexxi s-Sindku attwali indipendenti tal-Floriana”, kompla l-Partit Laburista.
L-istqarrija tal-Partit Laburista temmet tgħid kif il-Kunsilliera Laburisti jilqgħu kull proġett li jista’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Furnjaniżi, wara konsultazzjoni pubblika serja, fejn jiġi spjegat lilhom dak li jkun qed isir u jemmnu wkoll li l-lokalità għandha bżonn tieħu deċiżjonijiet importanti biex l-ambjent urban Furjaniż jingħata spinta u jkun aktar akkoljenti sabiex jiġbed lura lill-Furjaniżi li tul iż-żmien għażlu li jmorru jgħixu fi bliet u rħula oħra.