Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana ħatar segretarju permanenti ġdid wara li n-nomina tiegħu ġiet approvata mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, kif ukoll tħabbru xi kambjamenti fir-responsabbiltajiet ta’ segretarji permanenti oħra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025.
Is-Sur Bjorn Callus ġie appuntat Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastuttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi. Is-Sur Callus issieħeb mas-Servizz Pubbliku fl-2009 bħala EU Fund Officer u serva f’numru ta’ karigi fosthom dik ta’ EU Fund Manager, Senior Policy Officer, Technical Attache, kif ukoll Direttur Ġenerali tad-Direttorat tas-Sajd u Akkwakultura. Huwa għandu Baċellerat u Master’s fl-istudji Ewropej.
Is-Servizz Pubbliku jixtieq jirringrazzja lis-Sa Nancy Caruana, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, li wara li laħqet l-età tal-irtirar se tkun qiegħda tieqaf mill-impjieg tagħha. Is-Sa Nancy Caruana ilha taħdem mas-Servizz Pubbliku mill-1982. Fost oħrajn hija serviet fid-Dipartiment tal-Eżamijiet, fid-Dipartiment tal-VAT, Assistent Direttur u aktar tard Direttur fid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, Direttur tat-Turiżmu kif ukoll bħala Segretarju Permanenti f’numru ta’ ministeri.
Il-kariga ta’ Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi issa se jkun qed jassumiha s-Segretarju Permanenti Godwin Mifsud. Is-Sur Mifsud ilu jaħdem mas-Servizz Pubbliku mill-2001 u għandu esperjenza kbira fl-oqsma ekonomiċi permezz ta’ diversi karigi fid-Dipartiment tal-Politika Ekonomika kemm bħala Uffiċjal, u iktar tard bħala Direttur tar-Riċerka Ekonomika Strutturali u Direttur Ġenerali tal-Politika Ekonomika.
Il-kariga ta’ Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat se jkun qed jassumiha s-Segretarju Permanenti Anthony Gatt. Is-Sur Gatt mexxa b’suċċess numru ta’ proġetti ħolistiċi tas-Servizz Pubbliku bħall-qalba għall-vetturi elettriċi. Tul il-karriera tiegħu fis-Servizz Pubbliku, is-Sur Gatt ħadem f’diversi Ministeri u Dipartimenti, f’karigi varji.
Sadanittant minħabba tibdil fin-nomenklaturi tal-Ministeri, is-Segretarju Permanenti s-Sur Christopher Cutajar se jkun qed iservi bħala Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu. Is-Segretarju Permanenti s-Sur Joseph F. Caruana issa se jservi fil-kariga ta’ Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika.