Fi stqarrija mill-Forzi Armati ta’ Malta b’referenza għall-arrest ta’ membru tal-Armata li ġie imressaq il-Qorti s-Sibt 1 ta’ Ġunju 2019, b’konnesjoni ma’ allegat teħid illeċitu ta’ fuel, il-FAM tixtieq tikkjarifika li dan l-arrest kien riżultat ta’ investigazzjonijiet interni li bdew b’inizjattiva tal-Armata stess.
Il-Forza tispjega li meta uffiċjali tagħha ngħataw indikazzjoni tal-iċken dubju u suspett ta’ żbilanċ fil-ħażna tal-fuel tal-Forza, ġiet appuntata immedjatament inkjesta interna sabiex tinvestiga l-fatti u tgħaddi r-rakkomandazzjonijiet tagħha. Malli tlestiet l-investigazzjoni interna u ġie stabbilit li seta’ jissussisti reat kriminali, il-FAM għaddiet minnu fih kull informazzjoni fi ħdanha f’idejn il-Pulizija sabiex din tistħarreġ u tinvestiga aktar dan il-każ. Dan l-istħarriġ wassal għall-arrest in kwistjoni.
Il-FAM saħqet fl-istqarrija li ħadet diversi miżuri kawtelatorji biex l-abbuż ma jibqax iseħħ, u bdiet ukoll arranġamenti sabiex timmodernizza s-sistema ta’ teħid ta’ fuel għall-inġenji tagħha, liema sistema tkun tista’ tassigura kontroll aħjar fuq il-konsum. Is-sistema preżenti kienet ilha eżistenti għal snin twal, mingħajr ebda immodernizzar jew żvilupp fiha, u kien għalhekk jeħtieġ tibdil li jiggarantixxi kontroll aħjar u aktar akkurat.