Il-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Stella Kyriakides qalet kif Malta kellha storja ta’ suċċess fil-programm ta’ vaċċinazzjoni kontra l-Covid-19.
Waqt żjara li għamlet f’pajjiżna, Kyriakides iltaqgħet mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa nnutat kif Malta hija fost l-aqwa fl-Ewropa fil-programm ta’ vaċċinazzjoni.
“I want to congratulate Malta on its excellent vaccination roll-out programme. I was able today to visit one of the vaccination centres, speak to the staff there, speak to the citizens and children that are being vaccinated and I think it’s nothing should to say that the vaccination rates that Malta has achieved, that it is achieving of a 70% of the population boosted is really a significant success story in dealing with this pandemic.”
Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa. Stella Kyriakides
Il-Kummissarju Ewropew sejħet il-kura medika f’pajjiżna bħala eċċellenti u anke faħħret il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa.
“I had the opportunity today to visit the vaccination centre and also one of the Oncology Centre and I wanted to congratulate your Ministry, the staff working there for the excellent level of care that I have seen.”
Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa. Stella Kyriakides
Stella Kyriakides innutat ukoll is-solidarjetà ta’ Malta, hekk kif pajjiżna qassam il-vaċċin lill-pajjiżi fl-Afrika u fl-Asja.
Il-Kummissarju Ewropew żiedet tgħid kif Malta tat l-appoġġ tagħha għal proposta tal-Unjoni Ewropea għat-twaqqif ta’ awtorità, li se tgħin lill-pajjiżi Ewropej biex ikunu ppreparati iżjed għal kriżijiet tas-saħħa fil-ġejjieni.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li tmienja u disgħin fil-mija tal-popolazzjoni Maltija, li għandhom iżjed minn tnax-il sena tlaqqmu b’minn tal-inqas l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll kif sitta u sebgħin fil-mija tal-popolazzjoni adulta Maltija tlaqqmu bid-doża tal-booster.
Chris Fearne saħaq kif it-tilqim huwa l–għodda ewlenija fil-ġlieda kontra l-pandemija u kif permezz tal-booster pajjiżna qed inaqqas ir-restrizzjonijiet.
Id-Deputat Prim Ministru saħaq fuq l-importanza tax-xiri konġunt fl-Unjoni Ewropea sabiex pajjiżna kellu programm b’saħħtu ta’ vaċċinazzjoni.
“The roll-out in Malta has been of a huge success, thanks to this and we are now getting in the phrase, after the Omicron or at the end of Omicron, we have started to remove some of our restrictions that we have put in place even recently and this is thanks to the high turnout that we had with our vaccines.”
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne
Id-Deputat Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-appoġġ li wriet l-Unjoni Ewropea lil pajjiżna biex jaċċessa l-mediċini mir-Renju Unit, wara BREXIT.
Waqt iż-żjara f’pajjiżna, il-Kummissarju Ewropew żaret ukoll iċ-Ċentru ta’ Vaċċinazzjoni fl-Università ta’ Malta u anke ċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.