Arani Issa qed jibqa’ jkun l-għażla tal-Maltin u l-Għawdxin ta’ kull nhar ta’ Sibt filgħaxija u dan għaliex verament l-istejjer huma reali; stejjer ta’ nies ordinarji b’ħajja straordinarja li jagħmluhom tassew eroj siekta li lkoll kemm aħna ma nistgħux ma nammirawx. Il-protagonisti ta’ din il-ġimgħa m’humiex eċċezzjoni. Arani Issa fis-sezzjoni tat-transformazzjoni ser ilaqqana’ ma’ Lorraine Cunningham – personalita` Maltija li għaddiet mill-esperjenza diffiċli tal-kanċer. Ser nisimgħu minn fommha stess dak li hi ġarrbet, il-biżgħat li għaddiet minnhom iżda nammiraw il-kuraġġ aħħari ta’ din il-mara li tixgħel bid-determinazzjoni u bir-riżoluzzjoani tagħha – mara ta’ veru li tagħti kuraġġ u eżempju lil kulhadd!
Niltaqgħu wkoll mal-istorja tal-familja Borg – storja li kważi ma titwemminx hekk kif John u martu jirrakkuntaw lil Joseph Chetcuti b’għajnejhom mimlija dmugħ – storja ta’ qsim il-qalb – iżda wkoll storja ta’ koppja li tant jinħabbu u li ngħaqdu flimkien sabiex jaffrontaw realta` li qatt ma basru li ser jgħaddu minnha! Iżda bla dubbju din il-ġimgħa Arani Issa kien mixgħul bl-istorja ta’ familja li tħaddan żewġt’itfal ta’ kuraġġ ferm. X’inhi l-istorja ta’ din il-familja u x’għandu lest Arani Issa għal din il-familja hekk speċjali?
”Arani Issa ma jaħbi qatt ir-realta` – anzi jesponiha b’imhabba lil Malta u Għawdex sabiex ilkoll kemm aħna napprezzaw kemm għandna Maltin u Għawdxin kbar fl-ispirtu u fil-valuri sbieħ li bħala poplu aħna inħaddnu! Dawn huma nies li jgħixu fis-skiet ta’ darhom – dawn huma l-eroj siekta li ħajjithom hija tassew riflessjoni ta’ kif kull wieħed minnha, nibda bija, għandna ngħixu kuljum ta’ ħajjitna b’imħabba, b’tama u bi tbissima li tegħleb kull diffikulta li naffaċċaw fil-ħajja tagħna!” – Stqarr Joseph Chetcuti
Aran Issa jixxandar is-Sibt filgħaxija fuq ONE