L-attakki fil-konfront tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia reġgħu intensifikaw, partikolarment wara l-festi tal-Indipendenza, li fihom il-Partit Nazzjonalista wera iżjed kemm hu mifrud wara x-show of force tal-fazzjoni ta’ Delia fuq il-Fosos.
Sorsi qrib id-Dar Ċentrali sostnew ma’ ONE News li t-tmexxija Nazzjonalista tinsab rrabjata ferm għal Adrian Delia, li spiċċa seraq ix-xena u n-nies flok tkellmu fuq id-diskors tal-Kap Bernard Grech, iktar innutaw il-preżenza ta’ Team Adrian Delia, li anki bbujaw waqt id-diskors ta’ Grech.
Wara l-azzjoni tal-fazzjoni Delia, is-sit Lovin Malta, li kien immexxi minn Chris Peregin, illum strateġista ta’ Bernard Grech, ippubblika artiklu li fih reġa’ ġie allegat li Adrian Delia kien imur jittallab għall-flus għand Yorgen Fenech, illum l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fil-fatt bi kliem skur, tal-Lovin Malta kitbu li f’messaġġi magħrufa ma’ negozjanta, Yorgen Fenech allega li Delia mar għandu jitolbu l-flus, ftit jiem biss qabel id-Deputati Nazzjonalisti Herman Schiavone u Kristy Debono marru wkoll għand Fenech, biex skonthom jitolbuh sala.
Il-Lovin Malta semmiet ukoll stejjer ta’ Delia bħala wieħed midjun u li kellu nies bħal Pierre Portelli li kienu jiġbru l-flus m’għand Fenech filwaqt li kienu jsiru kumplotti biex joħorġu stejjer kontra nies fil-Partit Nazzjonalista stess, li kienu kontra t-tmexxija ta’ Delia.
Fost dawn jissemma Chris Said, id-deputat li tellaq kontra Delia fl-elezzjoni għall-Kap Nazzjonalista fl-2017.
Fil-Qorti kienu ssemmew somom ta’ għoxrin elf ewro li Pierre Portelli kien imur jiġbor fix-xahar filwaqt li ssemmiet is-somma ta’ ħamsin elf ewro biex David Casa ma jitlax fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Delia u Portelli qed jiġu investigati minn inkjesta Maġisterjali fuq allegat flus li ħadu biex jixxaħħmu.
Akkużi li t-tnejn jiċħdu.
Intant fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, Delia fakkar fil-libell li fetaħ kontra l-Lovin Malta, meta dan is-sit f’nofs Awwissu rrapporta li Delia kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech waqt dibattitu parlamentari wara l-iżvelar tas-sid tal-kumpanija 17 Black.
Delia qal li s-sit li fetaħ l-istrateġista ta’ Bernard Grech qed jipprova jħammġu.
Qal li jidher li l-Lovin Malta, bi skop, qed tibqa’ tirrepeti l-istess gideb.
Filwaqt li saħaq li r-rispett lejn il-midja huwa essenzjali, Delia għalaq il-messaġġ billi saħaq li r-rispett lejn il-verità huwa fundamentali.