B’referenza għall-editorjal ta’ The Malta Independent ippubblikat illum u ibbażat fuq storja antika u riċiklata, is-Segretarjat Parlamentari fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għamel għadd ta’ osservazzjonijiet.
L-istqarrija qalet li fuq il-każ li qed jissemma fl-istess editorjal, il-liċenzja għal din il-kumpanija kienet inħarġet fl-2011 wara li ddaħħlet l-applikazzjoni tal-istess kumpanija fl-2010, u minn wara dak l-episodju, l-Awtorità Maltija għal-Logħob kienet ħadet il-provvedimenti kollha neċessarji sabiex ma jerġax ikun ripetut l-istess episodju.
“Apparti dan kollu, l-Awtorità Maltija għal-Logħob baqgħet taħdem sabiex tkompli l-ġlieda tagħha kontra possibbiltajiet ta’ money laundering u kriminalità organizzata f’dan is-settur tant importanti għal pajjiżna, fosthom billi saħħet l-istrutturi ta’ governanza, due diligence, u l-infurzar, u bdiet il-proċess flimkien mal-FIAU biex tiġi implimentata r-raba’ Direttiva tal-Money Laundering li propju wasslet biex issir l-investigazzjoni fuq il-każ imsemmi mill-editorjal tal-lum, fl-2015. Dan ikompli juri kemm pajjiżna tabilħaqq qed jiġġieled possibbiltajiet ta’ istanzi bħal dawn”, kompliet tgħid l-istqarrija.
Propju f’Lulju li għadda wkoll, is-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, flimkien mal-Awtorità Maltija għal-Logħob, nieda white paper sabiex l-istess Awtorità tkompli ssaħħaħ il-qafas regolatorju u legali u b’hekk tingħata iżjed setgħat biex tkompli tiġġieled l-illegalitajiet u l-abbuż u tiżdied il-protezzjoni tal-konsumatur.
“Li kieku s-settur tal-gaming mhux sejjer tajjeb kif qed tgħid The Malta Independent ma kienx ikun hemm aktar kumpaniji ta’ fama kbira internazzjonali li jersqu lejn pajjiżna, apparti oħrajn eżistenti li qed ikabbru l-operat tagħhom f’Malta kif ġara fl-aħħar snin. Dan wassal għall-irdoppjar tal-valur ekonomiku relatat direttament mal-gaming f’pajjiżna li tela’ minn €550 miljun fl-2013 għal €1.1 biljun fl-2016,” qal il-Ministeru.
Filwaqt li dan il-Gvern qed jissokta bil-ħidma tiegħu f’dan is-settur kif ukoll fis-settur finanzjarju anke billi jdaħħal niċeċ ġodda u innovattivi, huwa tassew ta’ għajb li l-istess kampanja li bdiet qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali kontra s-settur tal-gaming u s-servizzi finanzjarji qed tissokta b’detriment biss għal pajjiżna u l-ekonomija tagħna.