L-attività tal-Partit Laburista kienet indirizzata minn Mario Cutajar, eks Kap taċ-Ċivil li xeħet dawl fuq xi jfisser il-ħelsien.
Dan hekk kif fakkar li l-oppost tal-ħelsien huwa l-kolonjaliżmu, dak li jqis lil min hu maħkum bħala ċittadin tat-tieni klassi, filwaqt li sostna li dan ineżża lil dak il-poplu mid-dinjità tiegħu.
Dan b’kuntrast għal meta poplu jkun ħa ragħajh f’idejh. Hawnhekk Cutajar tkellem dwar is-simboliżmu tal-urna, mhux kompluta, tal-ħelsein, li tirrifletti kif il-ħelsien huwa sfida ta’ kuljum.
Cutajar fakkar fin-nuqqas ta’ libertà li kien jeżisti f’pajjiżna qabel l-1971 minn meta pajjiżna beda t-triq għall-ħelsien. Fost l-oħrajn, semma kif pajjiżna kien għandu bażi tan-NATO, bil-preżenza tal-Ingliżi kullimkien.
Mario Cutajar rrakkonta kif li kieku ma kienx għall-kuraġġ ta’ dawk li sawwru dak iż-żmien, li kieku pajjiżna ma kisibx li kiseb.
Dan wassal biex imbagħad pajjiżna beda jibni l-welfare state tiegħu.
“Illum il-ġurnata forsi nieħduhom for granted dawn l-affarijiet. Dawn mhux minn dejjem kienu hemm irid ikollok rgħajk f’idejk biex tagħmel dan kollu. Fuq kollox biex sar dan kollu, x’kien meħtieġ? Kien meħtieġ ir-rieda, kien meħtieġ il-kuraġġ, kien meħtieġ il-bniedem li mexxa dan kollu, il-Perit Dom Mintoff ideffes f’moħħ il-Maltin li aħna Maltin u għandna nħossu li aħna Maltin.”
L-eks Kap taċ-Ċivil u storiku, Mario Cutajar
Cutajar semma kif l-imgħoddi għandu jservi ta’ sors ta’ tagħlim biex pajjiżna jibqa’ ħieles mill-ħakmiet tal-lum. Cutajar sostna kif l-imgħoddi jservi ta’ vetrina għall-kisbiet li għamel il-Partit Laburista mal-medda taż-żmien.
Filwaqt li semma partijiet mill-innu tal-Partit Laburista u elenka l-ħidmiet li wettqu mexxejja Laburisti mal-medda tas-snin, Cutajar rrakkonta diversi episodji tal-ħidma Laburista.
Cutajar tkellem ukoll dwar l-importanza tal-paċi u n-newtralità, b’mod partikolari fis-sitwazzjoni ġeopolitika tal-lum.
L-avukat Deborah Schembri wkoll indirizzat din l-attività u tkellmet dwar it-tema tal-ħelsien mill-preġudizzji. Fil-fatt, hija nnotat kif il-ħelsien veru huwa l-liberazzjoni tal-qalb u tal-moħħ hekk kif elenkat l-importanza tal-ugwaljanza.
F’din l-okkażjoni hi appellat biex tingħata tislima lil dawk kollha li jiġġieldu l-preġudizzji ta’ kuljum fil-faxex diversi tas-soċjetà. Fuq l-istess ambitu hija spjegat kif il-preġudizzji jissarfu fi sfidi ta’ saħħa mentali fil-ħajja ta’ kuljum.
“Is-soċjetà trid titgħallem tiġġieled il-preġudizzji bl-istess saħħa li ġġieldet biex tillibera lil dan in-nazzjon mill-ħakma barranija. Għaliex x’jiswa li tkun liberu bħala nazzjon u mhux liberu bħala ċittadin individwali tal-istess nazzjon?”
L-avukat, Deborah Schembri
Schembri żiedet tappella li biex verament ikun onorat il-messaġġ tal-Ħelsien, irridu li nitrattaw lil xulxin indaqs. Dan filwaqt li elenkat il-kisbiet soċjali ta’ pajjiżna fl-aħħar snin, mill-kisba għad-divorzju sal-kisbiet fejn jidħlu d-drittijiet ċivili.
Hija tkellmet ukoll dwar l-importanza tad-diversità fis-soċjetà tagħna, fl-iskejjel u fil-ħajja ta’ kuljum.
Schembri temmet tappella li filwaqt li nfakkru l-kisbiet ta’ qabilna għandna nikkomettu ruħna biex nibnu soċjetà biex ħadd ma jkun iġġudikat.