Ir-rata ta’ omiċidji f’pajjiżna hi kklasifikata bħala baxxa ħafna meta mqabbla ma’ pajjiżi oħrajn minn madwar id-dinja. Qal dan f’intervista ma’ ONE News, l-istoriku tal-kriminalità, Eddie Attard, li studja dwar l-omiċidji li seħħew f’pajjiżna sa mill-1800, fil-perjodu li waslu l-Ingliżi f’pajjiżna.
“Issa aħna jekk nieħdu bħala medja forsi bħala medja ħames omiċidji, għax ġieli jkollok sena bi tlieta u forsi b’sebgħa. Itina qisu ħames omiċidji kull sena.”
F’din l-intervista, Attard qalilna li minn dan il-perjodu, f’pajjiżna ġew solvuti numru kbir ta’ każi ta’ omiċidju.
“Issib li hawn Malta, l-omiċidji solvuti jaqbeż is-70%, jiġifieri din hi xi ħaġa tagħmilna ġid u tagħmilna unur.”
Mal-istoriku dwar il-kriminalità tkellimna dwar kemm ilhom jintużaw armi tan-nar f’delitti.
Fost dawk, li fihom kien hemm użu ta’ arma tan-nar, kien hemm l-ewwel omiċidju ta’ din is-sena fir-Rabat, fejn inqatel Eric Borg ta’ 27 sena, b’żewġ tiri ta’ senter.
“L-armi tan-nar kienu dejjem parti f’dawn. Kienu jkunu snieter jew armi bħall-pistola u affarijiet bħal dawn. L-armi tan-nar maż-żmien bdew jiżdiedu u llum għandna perċentaġġ għoli ta’ omiċidji mwettqi b’armi tan-nar.”
Eddie Attard qal ukoll ma’ ONE News li t-tilwim u l-argumenti hu l-aktar li jwassal għall-omiċidji, fejn semma delitti li seħħew wara dan.
“U din tat-tilwima ġġalni ngħid li meta kklasifikajt l-omiċidji kollha mill-1800, it-tilwima hija n-numru wieħed tar-raġuni li twassal għall-omiċidju. Fuq xiex kienet din it-tilwima? Ġieli kienet fuq oġġett serju u gravi u ġieli kienet fuq xejn, assolutament xejn. Pereżempju ltqajt ma’ każ li jmur lura ħafna, li llum jitbissem min jisimgħu. Żewġt irġiel qed jixorbu, wieħed qatel lill-ieħor għax bdiet tilwima u din it-tilwima kienet bdiet fuq min kien se jħallas. It-tnejn insistew li jħallsu, jiġifieri llum ma tantx tismagħha.”