Malta ġiet l-ewwel fil-klassifika tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar wara li sa issa kisbet l-akbar ammont ta’ midalji tad-deheb u Ċipru li jinsab fit-tieni post, ma jistax jaqbeż lil Malta fl-aħħar kompetizzjonijiet li fadal fis-sigħat li ġejjin fl-aħħar jum tal-Logħob.
Riżultat storiku u l-aqwa riżultat ta’ kull żmien hekk kif l-aqwa riżultat għal Malta qabel din l-edizzjoni kien fl-2003 meta pajjiżna ġie fir-raba’ post.
Illum, fl-aħħar jum tal-Logħob kienet ġurnata eċċezzjonali għal Malta b’bosta midalji tad-deheb mirbuħa minn Malta fit-tennis, l-ibburdjar, table tennis, atletika u anki sparar (skeet).
Sa issa Malta kisbet mat-38 midalja tad-deheb, b’Ċipru jinsab disa’ midalji tad-deheb taħt Malta.
B’kollox Malta sa issa kisbet 10 midalji iżjed minn Ċipru.
F’dawn il-Logħob ipparteċipaw tmien pajjiżi oħra ma’ Malta; Andorra, Ċipru, Iżlanda, Liechtenstein, Lussemburgu, Monako, Montenegro u San Marino.
Intant b’rabta ma’ dan, il-Prim Ministru Robert Abela ireaġixxa billi qal kif “Team Malta huwa team rebbieħ” huwa awgura lil kul minn kien parti minn dan is-suċċess.
Il-President ta’ Malta wkoll awgura lill-atleti Maltin u kiteb kif “il-preparazzjoni, dedikazzjoni u determinazzjoni taw riżultati. Malta tifirħilkom, kburija bikom, u tawguralkom aktar suċċessi fil-futur, kemm fl-isport kif ukoll f’ħajjitkom.”