Issa għadni kemm dħalt id-dar mill-għaxra tal-Ħadd imqaddes filgħodu. Is-sagħtejn ta’ wara nofsinhar. Moħħi mnixxef, bil-ġuħ u għajjien mentalment. Mmmm. Naf wieħed moħħu niexef, bil-ġuħ tal-poter akkost ta’ kollox u għajjien u fjak fl-argumenti tiegħu. Imma nsomma. Ma nibdewx.
Ma kienux is-seba’ gażżetti li nixtri kull nhar ta’ Ħadd filgħodu. Kif dort il-kantuniera kienet hemm tistenna, idejha marbutin, fuq banketta, ttektek il-karkur mal-ġebla tal-franka tal-għatba… tik tik tik .. tik tik tik.
“Ejja ‘l hawn ħa nkellmek naqra int!”. Ma’ kull pass eqreb lejha, qalbi bdiet tissinkronizza mat-tektika tal-karkur. Ġejja tiegħi. “Ejja naqra ‘l hawn”.
“Smajtu x’qallu Joseph dalgħodu? Għax vera ta! Irid isir ħabib ħej. L-ewwel iqajjem l-irwiefen kontra l-gvern tagħna, jeqred kontra kollox, jopponi kollox akkost li qed jitfixkel f’saqajh stess, tiegħu biss tajjeb u issa jrid il-ħbiberija x’kull waħda u x’kull waħda wkoll!”. Ċensina ta’ faċċata tiegħi, żewġ bibien ‘l isfel, ħadet nifs qawwi ‘l ġewwa.
“Bil-mod Ċens!”
“X’bil-mod, bil-mod, sewwa qallu Joseph tagħna. Qallu li jrid jieqaf iparla kontra Malta, ma jibqax jitkellem kontra pajjiżna. Ara naqra jekk tkun Malti u tħobb lill-pajjiżek, u patrijott ta’ vera tmurx tagħmel ħsara kontra Malta tagħna ma kull min tara! Biex mingħalik tidher ħelu! Ma jarawkx ħelu ta! Anzi!”
“Aħħħħ Ċens, Madoffi!”. Mal-għajta w l-iskoss pass lura, mingħajr ma ridt tfajt il-gażżetti mal-art. Żewg t’idwiefer lewn il-bandiera Maltija b’salib kulur il-fidda mqabbeż ‘l barra, kienu daħlu fil-ġilda u ħallew żewġt iqmura ħomor ħomor jitbissmu lejja.
Għax Ċensina kellha vizzju ikrah u antipatku mill-kbar. Jekk tkun quddiemek u qed titkellem miegħek, ma’ kull ħames sillabi trid tmissek. Ittaptaplek fuq idek. Tafuhom dawk in-nies li donnhom jekk ma jmissukx huma u jkellmuk, ma tkunx se tifhimhom.
“U ejja x’għaġeb! U mhux vera jew. L-ewwel jitfgħu l-valenu ja qatta’ sriep umbgħad iriduha tal-anġli. Ara qegħdin sew ta! U Alla jbierek u jagħtina l-glorja tal-ġenna, meta kien barra minn Malta f’xi laqgħa ma’ sħabu, kulħadd mar fuqu mistagħġeb, jistaqsuħ fuq il-Panama pejpers u Malta! Naħseb bil-kju kienu biex ikellmuh”.
Qalbi kienet waqfet tħabbat, imma kont għadni qed ngħorok idi, li issa kellha żewġt iqmura fuq sema ħamranija.
“Mela l-ewwel iħammġu lil Malta, umbgħad jiġi Sajmin jgħidlek li għall-Partit Nazzjonalista, l-ewwel interess huwa dak nazzjonali, mbagħad l-interess tal-partit, u fl-aħħar l-interess personali. Ara vera jkakku minn ħalqhom! Taf min kien jonqos bil-qiegħda quddiemu meta qal hekk? Dak li sparixxa mix-xena, tal-Arriva, Toni arloġġi w dak li ħa nofs il-Gargur biex jibni villa u swimming pool, biex nieqaf hawn, għax inkella nibqa’ sejra nsemmi ismijiet sal-lejla…”
Le! Sal-lejla le! Għandi ġuħ ‘qas nara art! Inżilt biex niġbor il-gażżetti minn fuq il-bankina. Ċensina ma jaħarbilha xejn.
“Jew il-bieraħ, jiġi jqabbel lil Joseph tagħna ma’ dak Faraġ… issa taqra fil-gazzetti”.
“Farage, Ċens…”
“U ajma, fhimtni x’irid ngħid! Imma sammru reġa ta! Ħaħ ħaħ haj … taf x’qallu Joseph hux Ajtjen? Li ma jrid iqabbel lil Sajmin ma ħadd, għax ma jridx jinsulenta nies. Ommi ma x’fih!”
Il-ħin kien qed jgħafas, kif kien qed jgħafas l-istonku bil-ġuħ li beda ġej. “Ifhem Ċens…”
“Ara hawn xi ħadd qed jifhem xi ħaġa, għax jien ma nista’ nifhem xejn! Int tifhimha li trid tkun minn tal-maduma biex tkun tajjeb u jkollok pożizzjoni? Tifhimha int li f’ħamsa u għoxrin sena għamlu li riedu u issa jridu skrutinju fuq kull persuna li dal-gvern ipoġġi f’xi kariga? Tifimha int li jaħsbu li l-gvern irid ibaxxi rasu għal kull proposta tagħhom? Tifimha int li…”
“Ċens, Ċens.. bil-mod hold your horses…” ma kienetx hold your madoffi horses!
“Iiiii ħej ara x’qallek Ajtjen ħi, hold your horses… smajtni… smajtni Ajtjen ħi? Ħa nerġa ngħidielek ħa,, hold your horses…”
Kelli bilfors inħares lejn xoftejn ħomor imxaqqa jittondjaw il-hOld yOur hOrses.
“Anki jien naf ngħawweġ ilsieni ta! Ma tridx tkun nazzjonalist biex toqgħod tgħawweġ ilsienek biex taparsi pulit u jista’ jkollok pożizzjoni! Aħna tal-Lejber kapaċi wkoll ta għidlu l-Sajmin! X’ħasibna dan? Fejn tidħol l-Ewropa ħallu f’idejna qalilna Sajmin ġej … u mhux jara jekk baqax ħass frisk il-Marsa jew!”
“Ċens…”
“U x’Ċens, Ċens int! Ħallini ħa niżvoga ta …”
Kif se jiżvoġa jien, meta tħallini, ma dik it-tiġieġa l-forn, patata w nofs platt ħass, karrotti, u ħaxix biex indaħħal xi ħaġa healthy…
“Għax jisparaw f’sieqhom ta! Taf x’semmewh programm ġdid fuq l-istazzjon tagħhom? Għax qrajt, ta, mhux għax narah! Għall-Frisk semmewh. U vera għall-frisk jitfagħna ta jekk noqgħodu nagħtu kasu. Għax ma tgħaddix ġurnata li ma jifqax lil kulħadd bid-daħk bil-bużullotti li joħorġ bihom”.
“Ħa ngħidlek Ċensina..”
“Ħa ngħidlek jien, Ajtjen” Ħaqq Dibagħla ma nista’ nfendi waħda b’xejn illum!
“Jew oħra. Huma għax nazzjonalisti puri u verġni jistgħu jaqilgħulek kull m’għandek, bir-razza u r-redika u bix-xniexel kollha u bl-anatomija tal-ġisem kollu, mbgħad kif tgħid xi ħaġa int jitkażaw ja oqbra mbajda li huma. Iss ħej, stOp it għax I am nOt like Mummy and Daddy, I am not in pOlitics! Leave me alOne. U fl-istess nifs jgħajjruna li l-Lejber grieden. U le, u le. Aħjar inrodd is-salib ħa, ħalli Alla l-imbierek jgħini!”
Ċensina qamet minn fuq il-banketta. It-tektik tal-karkur waqaf ħesrem. “Ħa mmur nieħu belgħa ilma, għax inxift. Tort tiegħek Ajtjen ta! Int żammejtni. Dawwret patatta lejja u daħlet. Ħarist lejn il-mobile, is-sagħtejn. Ħa mmur niżvoga fil-koxxa tat-tiġiega ara.
U bilħaqq, Stop it, Sajmin jaħasra. Jekk trid toffri l-id tal-ħbiberija, uri li verament temmen hekk, x’kull waħda!