Bl-introduzzjoni ta’ miżura ġdida mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela, il-pandemija mhux ser titħalla taffetwa b’mod negattiv l-ammont ta’ pensjoni li wieħed ser ikun qed jieħu.
Dan permezz ta’ mekkaniżmu ġdid fil-mod ta’ kif jingħad l-ammont li wieħed ikun ser jieħu f’pensjoni. Permezz ta’ din il-miżura, il-persuni li jinsabu fl-aħħar tliet snin ta’ xogħol qabel jirtiraw u raw tnaqqis fid-dħul tagħhom mhux ser ikollhom tnaqqis fl-ammont ta’ pensjoni li kull xahar ser ikunu intitolati għalih.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-ġustizzja Soċjali, Mark Musù spjega kif minn din il-miżura huwa stmat li se jgawdu madwar 2,500 persuna.
“B’dan l-intervent li qed nagħmlu ħa nassiguraw illi l-effett li seta’ kellha s-sena elfejn u għoxrin fuq id-dħul pensjonabbli ta’ dawn il-persuni ħa jkun minimizzat fis-sens illi dak li kien impjegat ħa nkunu qed nikkalkulawlu d-dħul tiegħu fl-2020 abbażi tas-salarji li kellu f’Jannar u Frar tal-2020 waqt illi min kien ‘self-employed’, min hu ‘self-employed’ ħa nqisu d-dħul tiegħu fl-2020 daqs dak li kien fl-2019.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon stqarr kif għal darba oħra dan il-Gvern reġa’ sema’ l-karba ta’ grupp ta’ persuni li l-effetti tal-pandemija kienu ser jibqgħu jħossuhom għal għomorhom.
Spjega kif il-Gvern daħal forċina għall-impjegati u ħaddiema li jaħdmu għal rashom sabiex din is-sena, li fiha setgħu raw tnaqqis fil-qligħ ma taffetwalhomx b’mod negattiv il-pensjoni li issa ser ikunu intitolati għaliha.
“Bottom line huwa wieħed, illi l-pandemija b’din il-miżura qed nassiguraw illi l-pandemija ma taffetwax ħażin lill-pensjonanti futuri għall-kumplament ta’ ħajjithom. Miżura soċjali.”