Stimi tal-aġenzija Ewropea, il-Eurostat, juru li Malta għandha t-tieni l-inqas piż ta’ taxxa madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Irrapportat dwar dan il-gazzetta It-Torċa fl-aħħar ħarġa tagħha.
Fil-fatt jirriżulta li f’pajjiżna persuna, li tgħix waħedha mingħajr tfal u li tkun fuq dħul baxx, iġġorr piż f’taxxa u boll li hu 15% inqas mill-medja Ewropea. Fil-fatt, attwalment, iħallas 25% kontribuzzjonijiet meta l-medja fl-Unjoni Ewropea hi ta’ 40% fiż-Żona Ewro.
L-aktar pajjiż b’piż qawwi ta’ taxxi hu l-Belġju fejn ħaddiem fuq dħul baxx jispiċċa jitlef aktar minn 46% tad-dħul kollu tiegħu.
Fil-Ġermanja, il-piż hu ftit inqas, b’44%, waqt li fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja, il-piż jlaħħaq għal ftit aktar minn 40%.
L-uniku pajjiż, fejn il-piż tat-taxxi hu inqas minn Malta, hu Ċipru fejn il-ħaddiema bi dħul baxx jiffaċċjaw rata ta’ taxxa u bolla ta’ ftit aktar minn 18%.
Il-Eurostat ikkalkulat ukoll indikatur ieħor, li jissejjaħ Unemployment Trap, jiġifieri stima tad-dħul li jintilef kawża tat-taxxi u telf ta’ benefiċċji soċjali meta persuna tibda taħdem.
Hawnhekk l-istima għal pajjiżna hi wkoll it-tieni l-inqas wara Ċipru fiż-Żona Ewro, meta persuna titlef mas-66% tad-dħul addizzjonali meta tibda taħdem. Dan imqabbel ma’ 64% ta’ Ċipru.
Bil-maqlub, il-piż medju taż-Żona Ewro hu ta’ 76%. Minkejja dan, hemm numru ta’ pajjiżi fejn il-piż hu ferm akbar, bħal pereżempju xi ħadd fil-Litwanja li, meta jidħol fid-dinja tax-xogħol, jispiċċa jmur 4% minn taħt.
Fil-Belġju kulma jiżdied persuna meta jibda jaħdem hu inqas minn 7%, ħames darbiet inqas minn persuna Maltija li ssib ix-xogħol.
Fl-aħħar snin il-pożizzjoni ta’ Malta tjiebet sostanzjalment minħabba l-introduzzjoni ta’ skemi, bħat-tapering u l-In Work Benefit.
L-ewwel miżura twassal biex xi ħadd, li jsib xogħol, ma jitlifx mill-ewwel il-benefiċċju tal-qgħad, imma jitnaqqaslu gradwalment fuq perjodu ta’ tliet snin. Bl-In Work Benefit, imbagħad, meta persuna tibda taħdem u tkun bi dħul baxx, il-Gvern joħroġ benefiċċju li, bih, iżidlu d-dħul tiegħu.
Preċedentement għal dan, persuni f’pajjiżna kienu saru dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali, għax ma kienx vijabbli għalihom li jitilfu l-għajnuna offruta appena jidħlu fid-dinja tax-xogħol.