L-istilla tal-XFactor Ingliż Danny Tetley ingħata sentenza ta’ 9 snin ħabs wara li instab ħati b’akkużi ta’ reati sesswali fuq it-tfal.
Dak li kien ikkontesta fil-kompetizzjoni Ingliża tal-Xfactor lura fl-2018 u saħansitra kien wasal sas-semi finali, spiċċa jissejjaħ bħala ‘kreatura mistmerra’ mill-imħallef. Dan hekk kif il-Qorti semgħet kif Tetley li għandu 39 sena, offra eluf ta’ liri biex jikkonvinċi lil 7 adoloxxenti biex jibgħatulu ritratti indiċenti tagħhom.
Saħansitra lil wieħed minnhom qallu li l-flus mhux problema sakemm ir-ritratti ikunu tajbin. Instema’ wkoll kif wieħed mis-subien kien isegwi l-programm Xfactor u kien beda jibgħatlu r-ritratti indiċenti fiż-żmien meta Tetley kien qiegħed jieħu sehem fil-programm sabiex dan imbgħad jibgħatlu lura filmati esklussivi tal-kontestanti u l-artisti l-oħra.
Huwa inqabad iwettaq dawn ir-reati wara li l-ġenituri ta’ wieħed mis-subien li kien fil-mira ta’ Tetley iċċekkjaw it-telefon ċellulari tat-tifel u sabu l-kontenut grafiku.
Il-prosekuzzjoni qalet kif Tetley ammetta mal-pulizija kif dan l-atteġjament wasal wara li ma kienx jaf kif se jaddatta ħajtu għall-fama li kiseb.
Il-kantant li kien jidher b’mod regolari fuq l-istazzjon nazzjonali ingliż fosthom fuq programmi bħal ‘Benidorm’ u ‘Pop Idol’, ammetta għal 7 akkużi ta’ reati sesswali fuq subien u 2 akkużi relatati mat-tixrid ta’ ritratti indiċenti.
Huwa ingħata sentenza ta’ 9 snin ħabs u se jkun qed jiġi segwit għal tminn snin oħra wara li jiskonta s-sentenza tiegħu.