Influencer famuż ta’ Instagram min-Niġerja ngħata sentenza ta’ ħabs ta’ 11-il sena fl-Istati Uniti għar-rwol tiegħu fi skema internazzjonali ta’ frodi.
Imlaqqam “Hushpuppi”, Ramon Abbas kien iħobb juri l-istil ta’ ħajja tiegħu fuq il-paġna tiegħu ta’ Instagram, li kellha 2.8 miljun segwaċi sakemm ġiet diżattivata.
Issa Imħallef f’Los Angeles ordnalu jħallas lura $1,732,841 lil żewġ vittmi ta’ frodi, wara li s-sena l-oħra wieġeb ħati għal ħasil ta’ flus.
Fost reati oħra, Abbas ammetta li pprova jisraq aktar minn $1.1m mingħand xi ħadd li ried jiffinanzja skola ġdida għat-tfal fil-Qatar. Abbas qal lill-vittma li qed jaqdi rwol ta’ uffiċjali f’isem bank u ħoloq websajt fittizja.
L-influencer uża l-pjattaformi tal-midja soċjali tiegħu biex jikseb notorietà u jiftaħar bil-ġid immens li kiseb billi ħoloq scams li ħarbtu l-ħajja ta’ numru ta’ vittmi. Barra minn hekk, huwa akkużat li pprovda għajnuna lill-Korea ta’ Fuq.
