Il-fiduċja fil-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, kompliet tissaħħaħ. Dan jirriżulta minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika magħmul għat-TORĊA mill-istatistiku Dr Vince Marmara. Id-distakk bejn Robert Abela u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, issa jlaħħaq it-22%.
Dan hekk kif fost dawk li wieġbu l-istħarriġ 43.4% iddikjaraw li għandhom fiduċja fil-Prim Ministru u kienu 21.3% li ddikjaraw fiduċja f’Bernard Grech.
Dan l-istħarriġ li qed isir meta l-Gvern għadu biss fit-tieni sena tal-leġiżlatura tiegħu u f’mument ta’ taqlib internazzjonali, jagħti vantaġġ b’saħħtu wkoll lill-Partit Laburista.
Jingħad illi kieku kellha ssir elezzjoni għada l-Partit Laburista jikseb l-appoġġ ta’ 52.4% tal-elettorat u l-Partit Nazzjonalista 42.6% tal-elettorat. Dan ifisser differenza ta’ 9.8% bejn il-partiti politiċi favur il-Partit Laburista, li skont dawk irrapportat mit-TORĊA bl-ammont ta’ nies li bħalissa qed jgħidu li joħorġu jivvotaw ifisser distakk ta’ madwar 25,000 vot.