Qed jibqa’ konsistenti kull stħarriġ tal-opinjoni pubblika li juru l-fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela qed tkompli tissaħħaħ.
Il-Ħadd filgħodu t-Torċa ppubblikat stħarriġ ta’ Vince Marmara li wera differenza ta’ 22% bejn iż-żewġ mexxejja. Filwaqt li 44.5% esprimew fiduċja f’Robert Abela, kienu 22.5% biss li esprimew fiduċja f’Bernard Grech.
Bħal dan l-istħarriġ anke gazzetti oħra fl-aħħar ġimgħat immarkaw dan it-tisħiħ fil-fiduċja.
Intant, l-istħarriġ staqsa wkoll li kieku ssir elezzjoni ġenerali għada n-nies lil min jivvotaw. Hawn id-distakk hu ta’ għaxra fil-mija favur il-Partit Laburista, li fisser distakk ta’ madwar 28,000 vot. Fil-każ tal-Parlament Ewropew id-distakk huwa ta’ 8.4% favur il-Partit Laburista li jfisser distakk ta’ 22,400 vot.
Dan l-istħarriġ juri wkoll li għad hemm parti sostanzjali tal-elettorat li għadha qed tgħid li hi indeċiża x’se tagħmel fit-tmienja ta’ Ġunju. Dan meta l-elezzjoni tinsab madwar xahrejn il-bogħod, iżda l-kampanji elettorali tal-partiti għadhom ma rrankawx.