Il-gazzetta t-TORĊA ppubblikat it-tieni parti tal-istħarriġ li għamlet f’għeluq is-sena mill-mandat li ngħata mill-poplu lil Robert Abela u l-Partit Laburista.
Jirriżulta b’mod ċar li l-maġġoranza assoluta tal-Maltin iqisu l-ewwel sena ta’ ħidma bħala waħda pożittiva. Fil-fatt hemm differenza ta’ 15.4% bejn dawk li qalu kienet sena pożittiva u dawk li ddeskrivewha bħala negattiva.
Fil-fatt 50.2% qalu li kienet sena pożittiva u 34.8% biss qalu li kienet sena negattiva. 15% ma weġbux.
Dan l-istħarriġ sar minn Dr Vince Marmara u wera li anke fost dawk li fl-elezzjoni tas-sena li għaddiet ma vvotawx hemm sentiment pożittiv għall-ħidma tal-gvern.
Fil-fatt 49.4% ta’ dawn qalu li l-ħidma tal-gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela kienet pożittiva. 32.5% qalu li kienet negattiva u 18.2% ma weġbux.
Il-maġġoranza ta’ dawk li ma ddikjarawx il-vot tagħhom ukoll qalu li kienet sena ta’ ħidma tajba, b’46.8% jwieġbu b’dan il-mod kontra s-26.2% li wieġbu mod ieħor. Differenza favur il-ħidma tal-gvern ta’ iktar minn 20%.
Kienu dawk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali vvotaw lill-Partit Nazzjonalista li kienu negattivi dwar il-gvern fil-maġġoranza tagħhom. Filwaqt li dawk li vvotaw lill-Partit Laburista kienu kunfidenti ħafna b’dak li qed iwettaq il-gvern magħżul minnhom.
Intant, fl-ewwel parti tal-istħarriġ ippubblikata l-ġimgħa li għaddiet l-istatistiku Dr Marmara qal li Robert Abela hu fdat bi 18.5% aktar minn Bernard Grech u li d-differenza bejn il-partiti politiċi hija ta’ 9.7% favur il-Partit Laburista.
Dan l-istħarriġ kellu kampjun ta’ 1,000 persuna biex fi kliem min għamlu jkollu preċiżjoni ikbar.