Lejlet Santa Marija, perjodu fejn ħafna jieqfu ftit mir-rutina ta’ kuljum biex igawdu btala mal-familja jew il-ħbieb, The Malta Independent ippubblikat stħarriġ dwar xi btajjel ħadu jew qed jippjanaw il-Maltin.
Safra barra l-pajjiż hija l-favorita mal-Maltin, għalkemm btala f’pajjiżna stess jew mawra sa Għawdex ukoll huma għażliet popolari. Il-faċċata ta’ The Malta Independent tgħid li huma mat-63% l-Maltin li għandhom btala pjanata barra minn pajjiżna.
Skont l-istess stħarriġ il-maġġoranza tal-Maltin, preċiżament 57.3%, qed jippjanaw li jonfqu iktar jew daqs is-sena l-oħra fil-vaganza tagħhom. 21% qalu li se jonfqu inqas u madwar 20% oħra qalu li għad irid jaraw kemm se jonfqu.
Intant kienu 62.6% li qalu li se jagħżlu btala barra minn Malta, filwaqt li 40.5% qalu li se jieħdu btala f’pajjiżna, 48.3% qed jippajanaw li jżuru Għawdex.
L-etajiet ma jagħmlux wisq differenza għal dik li hi btala barra l-pajjiż hekk kif din hi l-preferenza mifruxa fost kulħadd. L-Ewropa tibqa’ l-iktar destinazzjoni popolari, anke jekk qed jiżdiedu bnadi oħra madwar id-dinja bħal Asja u l-Afrika.
Intant, filwaqt li pajjiżi oħra qed joffru kompetizzjoni anke lil Għawdex, jirriżulta li dan tmiem il-ġimgħa ta’ Santa Marija se jkun wieħed b’saħħtu ferm għal gżira tat-tliet għoljiet kif anke tirrapporta t-Times of Malta fil-faċċata tagħha.