Stħarriġ tal-opinjoni pubblika ta’ Dr Vincent Marmarà ippubblikat fuq it-Torċa u ieħor fuq il-Maltatoday taw riżultat ta’ fiduċja b’saħħitha fil-Prim Ministru Robert Abela u l-Partit Laburista.
Skont l-istħarriġ tat-Torċa, il-Prim Ministru Robert Abela huwa fdat minn 52.4% tal-elettorat filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech huwa fdat minn 28.7%.
Dan filwaqt li skont il-Maltatoday, il-Mexxej Laburista huwa fdat minn 45.1% filwaqt li l-Kap Nazzjonalista jgawdi fiduċja ta’ 30.3%.
Skont il-Maltatoday, Robert Abela huwa fdat iżjed minn Bernard Grech f’kull kategorija t’età filwaqt li t-Torċa tinnota li hemm 7% tan-nies li wieġbu fl-istħarriġ, li huma votanti Nazzjonalisti fl-aħħar elezzjoni ġenerali, u issa għandhom fiduċja f’Robert Abela.
Dan għal kuntrarju tal-votanti Laburisti fl-aħħar elezzjoni ġenerali, li huma inqas minn perċentwal, li issa għandhom fiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni.
Skont il-Maltatoday imbagħad Robert Abela jgawdi iżjed fiduċja minn Bernard Grech f’bosta reġjuni.
Il-gazzetta Maltatoday qalet li Robert Abela huwa popolari iżjed mill-partit li jmexxi filwaqt li dan ma jistax jingħad għal Bernard Grech, hekk kif il-Kap Nazzjonalista ma jgawdix fiduċja daqskemm igawdi l-partit li jmexxi.
Iż-żewġ studji li saru anki kważi fl-istess perjodu, jiġifieri bejn l-aħħar ta’ Jannar u l-ewwel jiem ta’ Frar, juru distakk ta’ bejn kważi 12 u 14% bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, li jfisser distakk simili bħal dak tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet.