Stħarriġ ippubblikat fuq The Sunday Times Of Malta juri li żdied l-appoġġ għal kif il-Gvern qed imexxi l-ekonomija.
Fil-fatt, dawk b’opinjoni negattiva dwar dan, naqsu bin-nofs meta mqabbel ma’ stħarriġ li kien sar f’Awwissu.
Huma sebgħin fil-mija ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ li jħossuhom pożittivi dwar il-mod kif il-Gvern ta’ Robert Abela qed imexxi l-ekonomija f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji.
Dan l-istħarriġ, li wera sentiment pożittiv bla preċedent fost il-Maltin u l-Għawdxin, ġie l-għada li l-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali, Creditreform, ikkonfermat rating ta’ A+ bi prospetti stabbli għal pajjiżna.
L-esperti ta’ din l-aġenzija nnutaw kemm il-Gvern Malti għamel miżuri bil-galbu waqt l-imxija, li għenu biex salvaw l-impjiegi u sabu bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija.
Huma nnutaw ukoll ir-reżiljenza tal-ekonomija ta’ Malta li tirrifletti d-diversifikazzjoni tas-setturi ekonomiċi.
Dan is-sentiment pożittiv ġie wkoll fl-istess ġimgħa li l-Kummissjoni Ewropea approvat il-budget ta’ Malta għas-sena d-dieħla.