Stħarriġ ikkummissjonat mit-Times wera fiduċja b’saħħitha fil-Prim Ministru Robert Abela u żieda t’appoġġ lejn il-Partit Laburista u tnaqqis t’appoġġ lejn il-Partit Nazzjonalista.
Fil-faċċata tat-Times ġie ppubblikat riżultat ta’ stħarriġ li sar dan ix-xahar stess bejn sitt mitt ruħ.
Dan wera 56.5% t’appoġġ lejn il-Partit Laburista u 42.1% t’appoġġ lejn il-Partit Nazzjonalista.
Dan fisser 2.7% żieda t’appoġġ lejn il-Partit Laburista u tnaqqis t’appoġġ ta’ 2.8% lejn il-Partit Nazzjonalista.
Skont it-Times, id-distakk f’elezzjoni ġenerali b’dawn iċ-ċifri jkun ta’ 47,000 vot.
Ingħad ukoll li dan id-distakk huwa wkoll żieda ta’ 3.4% t’appoġġ lejn il-Partit Laburista meta mqabbel mar-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali.
Intant fejn tidħol fiduċja bejn il-mexxejja, Robert Abela huwa fdat minn 52.1% filwaqt li Bernard Grech jikseb 14.5%.
F’punteġġ minn wieħed sa għaxra, b’għaxra l-ogħla, Robert Abela jikseb kważi seba’ punti filwaqt li Bernard Grech jikseb inqas minn erbgħa.
Hawnhekk Bernard Grech naqqas filwaqt li Robert Abela żamm il-fiduċja li kellu.
It-Times innutat ukoll li qrib l-10% ta’ dawk li qalu li jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, għandhom fiduċja f’Robert Abela u huma biss 60% tal-votanti Nazzjonalisti fl-aħħar elezzjoni ġenerali, li għandhom fiduċja f’Bernard Grech.
Dan għal kuntrarju ta’ Robert Abela, li jgawdi l-fiduċja ta’ qrib id-90% tal-votanti Laburisti.
Intant fil-gazzetta tas-Sunday Times saret rimarka li dan it-tnaqqis ieħor għal Bernard Grech u l-partit li jmexxi tista’ tkun ġejja mill-messaġġi kunfliġenti li għadda Grech fuq diversi temi.