Stħarriġ tal-Ewrobarometru kkonferma ottimiżmu b’saħħtu fost iċ-ċittadini Maltin, anki qabel tħabbar il-Budget għas-sena d-dieħla.
Dan l-istħarriġ sar f’Settembru u kkonferma li l-Maltin huma ġeneralment sodisfatti bil-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Il-maġġoranza, ħamsa u tmenin fil-mija, qalu li għandhom kwalità ta’ ħajja tajba u sitta u għoxrin fil-mija qalu li hija tajba ħafna.
Dawn iċ-ċifri għal pajjiżna kienu aħjar mill-medja Ewropea.
Kważi tmienja minn kull għaxar persuni li ħadu sehem fl-istħarriġ, qalu li jemmnu li l-ekonomija ta’ pajjiżna tinsab fi stat tajjeb.
Anki fejn tidħol il-kuntentizza, il-Maltin jinsabu aktar kuntenti mill-medja taċ-ċittadini Ewropej. Fil-fatt, filwaqt li huma tletin fil-mija tal-Ewropej li jinsabu sodisfatti b’ħajjithom, il-Maltin u l-Għawdxin li qalu li huma kuntenti ħafna huma tmienja u tletin fil-mija.
Fejn jidħlu sfidi, l-Ewropej isemmu l-ekonomija u s-saħħa. Dawn iż-żewġ oqsma importanti ma tantx qed jinkwetaw lill-Maltin u fil-fatt mhumiex fil-lista tal-aktar sfidi inkwetanti li semmew, għaliex taħt it-tmexxija ta’ Gvern Laburista, Malta kellha suċċess fil-kontroll tal-pandemija, kemm mill-aspett t’ekonomija u anki dak tas-saħħa.
Kważi erbgħa minn kull għaxra ta’ dawk intervistati f’pajjiżna sostnew li huma ottimisti ħafna fuq il-futur ta’ pajjiżna.
Dan meta l-medja fl-Unjoni Ewropea hija ta’ ftit aktar minn wieħed minn kull għaxra, li wrew daqstant ottimiżmu.
Dan l-ottimiżmu huwa rifless ukoll fid-distakk li jeżisti fil-fiduċja fil-Gvern. Filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropea, huma erbgħa u erbgħin fil-mija li jafdaw lill-Gvern tagħhom, f’Malta hawn erbgħa u ħamsin fil-mija taċ-ċittadini li jafdaw lill-Gvern preżenti.
Dan l-istħarriġ ħareġ qabel it-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea, li qed jara fost l-aħjar prospetti għal Malta.
Il-Kummissjoni qalet li l-ekonomija Maltija se tkun l-aktar waħda li tikber is-sena d-dieħla fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.