Stħarriġ ippubblikat fuq il-gazzetta Maltatoday juri li bejn iż-żewġ partiti ewlenin f’Malta hemm distakk simili ħafna għal dak tal-aħħar elezzjoni ġenerali, fl-2017.
Aktar minn hekk, meta wieħed iqis id-differenza fil-fiduċja bejn iż-żewġ mexxejja, jiġifieri bejn Robert Abela u Bernard Grech, id-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista jikber u jagħti riżultat ta’ distakk akbar minn dak tal-2017.
Meta wieħed iqis l-istampa kollha kemm hi tal-elettorat Malti, is-sondaġġ tal-Maltatoday juri li sa issa l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech ma għamel l-ebda ċaqliq li ġab nies mill-Partit Laburista, lejn il-Partit Nazzjonalista.
Analiżi tal-istħarriġ turi li fil-fatt iċ-ċaqliq fiż-żewġ partiti jikkanċella lil xulxin, li jfisser li sa issa l-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech ma ġibed il-ħadd iżjed minn dak li ġibed lejh il-Partit Laburista.
Saħansitra l-istħarriġ tal-Maltatoday, li sar din il-ġimgħa, juri li l-Partit Laburista żamm iżjed votanti tiegħu milli żamm il-Partit Nazzjonalista.
B’hekk meta wieħed jħares lejn l-istampa kollha, skont dan l-istħarriġ, il-Partit Laburista għandu vantaġġ ta’ madwar erbgħin elf vot, li huwa distakk fattwali u reali ma’ dak tal-aħħar elezzjoni ġenerali.
L-istħarriġ juri wkoll distakk ta’ sittax fil-mija bejn iż-żewġ mexxejja tal-partiti.
Dan ifisser li Robert Abela huwa fdat ferm aktar minn Bernard Grech u juri wkoll li d-differenza fil-fiduċja bejn iż-żewġ mexxejja hija ikbar minn dik li kienet bejn il-mexxej tal-Partit Laburista u Simon Busuttil.
Fil-fatt meta l-Partit Nazzjonalista kien fi żvantaġġ politiku kbir, id-distakk bejn iż-żewġ mexxejja tal-partiti kien ta’ madwar ħdax fil-mija.
B’hekk, illum Robert Abela huwa fdat ħamsa fil-mija iżjed mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, meta mqabbel mal-kuntrast bejn iż-żewġ mexxejja fi żmien Simon Busuttil.
L-istħarriġ juri wkoll li Robert Abela huwa fdat ferm iżjed minn Bernard Grech fost l-irġiel u n-nisa kollha tal-pajjiż, iżda jgawdi iżjed fiduċja tan-nisa.
Abela jgħaddi lil Grech ukoll f’dik li hija fiduċja fil-kategoriji tal-etajiet kollha u f’ħames minn sitt reġjuni tal-pajjiż.