Id-differenza fil-fiduċja bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech hija ta’ 21.3%.
Dan skont l-ewwel stħarriġ għal din is-sena tal-gazzetta Maltatoday, li wera illi kieku kellha ssir elezzjoni għada, id-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista jkun ta’ 46,000 vot favur il-Partit Laburista.
Fl-istħarriġ joħroġ ukoll li parti mill-elettorat ma jafdax iż-żewġ mexxejja li t-tnejn naqsu ftit mill-fiduċja, bil-Maltatoday tgħid li Bernard Grech naqas milli jieħu vantaġġ u jżid il-fiduċja fih.
Robert Abela jgawdi fiduċja b’saħħitha ta’ 47.3% filwaqt li huma 26% ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ li għandhom fiduċja f’Bernard Grech.
Il-Prim Ministru jgħaddi lill-Kap Nazzjonalista f’kull kategorija t’età u f’ħames minn sitt reġjuni, b’fiduċja b’saħħitha ħafna fost il-pensjonanti.
Maż-żgħażagħ, Dr Abela jgħaddi lil Grech bi kważi 10%.
F’Għawdex imbagħad, il-Mexxej Laburista jikseb kważi tliet darbiet iżjed fiduċja mill-Kap Nazzjonalista.
Il-Mexxej Laburista jgawdi l-fiduċja t’84% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali filwaqt li huma inqas minn żewġ terzi tal-votanti Nazzjonalisti fl-2017, li jafdaw f’Bernard Grech.
Kważi 10% tal-votanti Nazzjonalisti fl-aħħar elezzjoni ġenerali issa jafdaw lil Robert Abela.
Fl-istħarriġ li sar bejn il-5 u t-12 ta’ Jannar li għadda, Dr Abela huwa popolari iżjed mill-partit li jmexxi filwaqt li Grech huwa inqas popolari mill-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Laburista mbagħad jgawdi l-fiduċja fuq il-Partit Nazzjonalista f’kull kategorija t’età u fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni f’pajjiżna u f’wieħed minnhom, il-Partit Laburista jgawdi fiduċja b’saħħitha t’aktar minn ħames darbiet iżjed dik reġistrata għall-Partit Nazzjonalista.