Stħarriġ ippubblikat fuq il-gazzetta Maltatoday wera fiduċja b’saħħitha oħra fil-Prim Ministru Robert Abela filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kiseb it-tieni l-agħar riżultat fl-istħarriġ tal-Maltatoday minn mindu sar Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dan apparti li aktar minn 2% ta’ dawk li qabel qalu li se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, issa se jivvutaw lill-Partit Laburista.
Skont dan l-aħħar stħarriġ, Robert Abela huwa fdat minn 49.2% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ filwaqt li Bernard Grech kiseb 25.9%.
Ifisser li d-differenza fil-fiduċja bejn iż-żewġ mexxejja tal-partiti politiċi ewlenin f’pajjiżna hija ta’ iktar minn 23%.
Dan id-distakk huwa żieda ta’ 1.3% fuq l-aħħar stħarriġ li sar ix-xahar li għadda.
Robert Abela huwa popolari iżjed mill-partit iżda mhux l-istess jista’ jingħad għal Bernard Grech.
Abela jgħaddi lil Grech f’kull kategorija t’età, f’kull reġjun tal-pajjiż u anki bejn l-irġiel u n-nisa.
Bejn dawk li jgħoddu bejn il-51 u 65 sena, Robert Abela jgħaddi lil Bernard Grech bit-tripplu.
Fost l-aktar kategorija żagħżugħa, jiġifieri dawk li jgħoddu bejn is-16 u l-35 sena, Dr Abela għandu kważi 10 punti perċentwali iżjed mill-Kap Nazzjonalista.
Il-Mexxej Laburista jikseb ukoll fiduċja b’saħħitha f’Għawdex fejn hawnhekk jgħaddi lill-Kap Nazzjonalista bi kważi 13%.
Intant l-isħarriġ li sar fost kważi 650 ruħ bejn l-aħħar jiem ta’ Settembru u l-ewwel jiem ta’ Ottubru, wera li d-distakk bejn iż-żewġ partiti huwa ta’ 16-il punt perċentwal, li skont il-Maltatoday jagħti differenza ta’ 50,000 vot bejn iż-żewġ partiti.
In-nies kienu mistoqsija li kieku kellha ssir elezzjoni għada lil min jivvutaw, b’43.2% għażlu l-Partit Laburista u 27.3% għażlu lill-Partit Nazzjonalista.
Hawnhekk il-Partit Nazzjonalista naqqas erba’ punti perċentwali u l-Partit Laburista baqa’ stabbli bi tnaqqis minimu ta’ inqas minn punt perċentwal.
Il-koalizzjoni tal-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku kisbet 1.6%, li tfisser żieda ta’ kważi nofs perċentwal.
Il-Maltatoday irrimarkat li aktar minn 15% tal-votanti Nazzjonalisti fl-aħħar elezzjoni ġenerali qed jgħidu li mhux se jivvutaw fl-elezzjoni li jmiss.
Il-gazzetta nnutat li dan ir-riżultat ġej eżatt wara l-festi tal-Indipendenza, li għalihom il-Partit Nazzjonalista organizza bosta attivitajiet politiċi biex bihom jimbotta lill-Kap tiegħu.
Hawn tissemma dik imlaqqma bħala gwerra bierda bejn in-nies ta’ Adrian Delia u Bernard Grech, b’dan tal-aħħar kien ċanfar lin-nies ta’ Delia li marru fuq il-Fosos bil-flokkijiet ta’ Delia u qagħdu lura jibbujaw waqt id-diskors ta’ Grech.
Intant fi stħarriġ separat, fl-aktar kwistjonijiet li jolqtu lin-nies, jiġifieri l-ekonomija u d-dħul adegwat tan-nies, il-Gvern kiseb riżultat pożittiv fil-politika li jmexxi u fil-miżuri li addotta filwaqt li fl-aspett ambjentali, l-istħarriġ wera li l-poplu jrid jara iżjed minn dan il-Gvern.