L-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni, l-MCA, għamlet stħarriġ fost in-negozji lokali li jiffoka fuq l-użu tagħhom tas-servizzi postali f’Malta offruti mill-kumpanija MaltaPost, speċifikament dwar il-posta ta’ pakketti u oġġetti kbar.
L-istħarriġ ipprovda għarfien siewi dwar id-dinamika ta’ dawn is-servizzi tal-posta f’Malta, fejn indirizza t-tendenzi tal-volum, il-prezzijiet, il-frekwenza tal-konsenji u anke l-kunsiderazzjonijiet ambjentali.
Dan indirizza negozji, li jibagħtu minimu ta’ 750 oġġett jew pakketti bil-posta kull sena, fejn ikkonkluda li fl-aħħar snin kien hemm żieda ta’ 14% fost dawk li wieġbu li bagħtu aktar minn 10,000 oġġett.
Fil-fatt kienu 39% tan-negozji li din is-sena qed jibgħatu dan l-ammont, qabża sinifikanti mill-25% li kienu rreġistrati fl-2021.
Dawk kollha li ħadu sehem fl-istħarriġ irrapportaw żieda fil-volum ta’ posta simili mqabbel ma’ tliet snin ilu, hekk kif 39% min-negozji lokali qalu li n-nefqa tagħhom fuq servizz tal-posta bl-ingrossa fis-sena kienet tvarja bejn elf u ħamest elef ewro fis-sena, 17% wieġbu li nefqu bejn ħames mitt ewro u elf, waqt li 15% oħrajn wieġbu li n-nefqa tagħhom kienet taqbeż il-ħamsa u għoxrin elf f’sena.
Dawn intervistati wkoll tennew li qed jippjanaw li jkomplu jagħmlu użu minn dan is-servizz, b’20% qed ibassru żieda, 49% jistennew li l-volumi jibqgħu bejn wieħed u ieħor l-istess tar-riżultati tal-lum, waqt li 31% qed jantiċipaw xi tnaqqis.
B’mod notevoli, 56% ta’ dawk li ddikjaraw li lesti jikkontribwixxu għal spiża ta’ ċenteżmu żejjed għal kull ittra jew pakkett bil-posta biex ikun hemm logo uffiċjali li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.
Din kienet l-ewwel darba li mistoqsija simili saret fl-istħarriġ tal-MCA u l-għan hu li l-flus jinġabru jmorru favur inizjattiva ambjentali.