L-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, attribwixxa l-qagħda li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista għall-mossi tal-blue heroes.
Il-blue heroes huma l-grupp ta’ Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami, fost oħrajn, li kienu u għadhom jiddettaw l-aġenda fil-Partit Nazzjonalista.
Waqt analiżi tal-ġurnali li fiha tkellem dwar l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika, Puli qal li hemm problemi li ilhom ġejjin.
Imma l-ikbar piż tefgħu fuq il-mossi ta’ dawn in-nies, fosthom bit-tneħħija ta’ Adrian Delia. Għax, skont Puli, ma tneħħix lill-Kap fil-leġiżlatura.
Clyde Puli: “Problemi illi hemm uħud minnhom ilhom ġejjin, bħal fil-każ tal-Partit Nazzjonalista, u li ġew amplifikati fl-aħħar snin, mhux l-inqas b’dak li ġara, u nibqa’ ngħid li qatt ma kellu jiġri fis-sena 2020. Dak kien żball kbir. Għax int ma tneħħix kap fin-nofs. Jien nibqa’ ngħid li lanqas l-istatut ma kien jimmedita li tagħmel dik il-biċċa xogħol. Lanqas kienet tissemma fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista.”
Skont Puli, din l-attitudni wasslet biex tellfet l-istruttura fil-Partit Nazzjonalista.
Clyde Puli: “Qed jirriżulta li tlift biss u ma ggwadanjajtx, mhux fis-survey biss. Fl-elezzjoni ġenerali diġà wera.”
Skont Puli kienet din l-attitudni li wasslet biex intilfu ħafna nies mill-Partit Nazzjonalista.
Clyde Puli: “Bit-tibdiliet li għamilt ma mortx ’il quddiem, mort lura. Ir-riżultat kien dak li kien. Intilfu ħafna elementi u ntilef ħafna appoġġ.”
Fl-istess programm tkellem l-opinjonista l-avukat Chris Cilia, li rrimmarka dwar it-trust rating b’saħħtu li rreġistra l-Prim Ministru Robert Abela. Qal li ftit, jekk issib, hemm mexxejja oħra fil-Punent li bħalissa għandhom dak it-tip ta’ appoġġ.