L-inizjattiva ‘Stabbiltà’, li permezz tagħha, mill-bidu tax-xahar li għadda, aktar minn erba’ mitt prodott tal-ikel essenzjali naqsu fil-prezz, kellha impatt pożittiv fost il-familji Maltin u Għawdxin.
Irrapportat dwar dan il-gazzetta KullĦadd, li rreferiet għal stħarriġ li jsir kull xahar mill-Kummissjoni Ewropea biex jitkejjel b’mod xjentifiku s-sentiment ekonomiku madwar l-Unjoni Ewropea.
Hawnhekk ġie nnotat li fl-Unjoni Ewropea jeżisti sentiment negattiv ħafna fost iċ-ċittadini, minħabba l-isfidi internazzjonali bla preċedent, li ġabu magħhom l-inflazzjoni.
Bil-maqlub, pajjiża qed jara sentiment pożittiv fost il-familji li hu aħjar mill-medja storika.
Dan l-istħarriġ juri li fi Frar, il-familji f’Malta kienu qed jantiċipaw li l-qagħda finanzjarja tagħhom se titjieb fix-xhur li ġejjin, tant li l-ammont ta’ dawk li kienu qed jistennew żieda fil-prezzijiet naqset b’mod drastiku meta mqabbel max-xhur ta’ qabel.
Intqal li s-sentiment pożittiv kien rifless ukoll fost il-ħwienet f’pajjiżna, b’maġġoranza ta’ ħwienet Maltin irrapportaw li żiedu l-bejgħ. It-tbassir hu li dan ikompli jiżdied fix-xhur li ġejjin.
Dan jikkonferma li qed tintlaħaq il-mira ta’ din il-miżura, jiġifieri li jonqsu l-prezzijiet u d-dħul tal-ħwienet ma jonqosx għax ikun hawn aktar bejgħ.