Stħarriġ tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, li jsir b’mod regolari, indika li l-attività tan-negozji Maltin u Għawdxin għadha għaddejja b’mod qawwi. Dan fl-istess ħin li indika li, matul din is-sena, hu mistenni li ż-żieda fil-pagi tkun aktar għolja mis-sena li għaddiet u taqbeż il-ħames fil-mija.
Dan l-istħarriġ fost l-ażjendi ta’ pajjiżna wera li tnejn u ħamsin fil-mija tal-kumpaniji qalu li, fl-aħħar kwart tal-2023, l-attività tagħhom żdiedet fuq it-tliet xhur ta’ qabel. Dawk li qalu li l-attività tagħhom naqset, kien ukoll ferm iżgħar minn dak osservat fl-istess tliet xhur sena qabel.
B’hekk, filwaqt li fir-raba’ kwart tal-elfejn tnejn u għoxrin kien hemm maġġoranza ta’ inqas minn tletin fil-mija tal-kumpaniji li raw titjib fl-attività, fl-elfejn tlieta u għoxrin din il-maġġornza telgħet għal ħamsa u tletin fil-mija.
L-istħarriġ juri li s-sors ewlieni tat-tijib jidher li kien l-aktar is-settur tas-servizzi, b’mod partikolari l-akkomodazzjoni, l-attivitajet tal-catering u tad-divertiment. Dan jimxi parri passu mas-sena b’saħħitha li kellu t-turiżmu f’pajjiżna.
Fil-fatt, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malti rrapporta li fl-elfejn tlieta u għoxrin kienet l-aqwa sena f’termini ta’ passiġġieri, tant li nqabeż il-livell tas-sena ta’ qabel il-pandemija, bi kważi sebgħa fil-mija.
Mill-istħarriġ tal-Bank Ċentrali joħroġ ukoll li l-aspettattivi għall-ewwel kwart tal-elfejn u erbgħa u għoxrin huma wkoll b’saħħithom ħafna tant li nofs id-ditti, li ħadu sehem, qalu li qegħdin jantiċipaw li l-attività tagħhom se tkompli titjieb. Kienu biss tmienja fil-mija li qalu li qed jantiċipaw li jmorru agħar.
Għal darb’oħra, l-aqwa sentiment kien mill-operaturi fis-settur tas-servizzi. Dan anke minħabba l-fatt lit-turiżmu mistenni jkollu sena oħra rekord fl-2024, b’iżjed minn tmin miljun passiġġier fl-Ajruport.
Tnejn u erbgħin fil-mija tal-kumpaniji lokali ddikjaraw li se jkomplu jespandu l-investimenti tagħhom f’pajjiżna.
L-istess stħarriġ wera wkoll li sittin fil-mija tal-kumpaniji qalu li s-sena li għaddiet żiedu l-pagi b’aktar minn ħames fil-mija u li dan mistenni jaċċelera din is-sena, tant li 65% tal-kumpaniji kkuntattjati qalu li qed jistennew li jżidu l-pagi b’aktar minn hekk ukoll.