Waqt konferenza li fiha tħabbar stħarriġ tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering, l-ACE, dwar l-istabbilimenti lokali tal-ikel u x-xorb fit-tieni nofs tas-sena 2024, ikkonferma kif l-industrija li timpjega aktar minn 10,000 ħaddiema, tibqa’ kontributur ewlieni għall-Prodott Gross Domestiku ta’ pajjiżna.
Ir-Research & Economic Outlook ukoll jindika kif ir-rikkezza tal-wirt kulinarju Malti għadu dominanti, hekk kif il-maġġoranza tal-istabbilimenti tal-ikel huma ddedikati għall-platti Mediterranji u ikel lokali tradizzjonali.

Xi ħaġa, kif deskritt mill-ACE, bħala li jkompli jsaħħaħ il-kultura gastronomika awtentika tal-gżejjer Maltin.
Issemma wkoll il-bżonn li l-awtoritajiet jibqgħu jaġġornaw il-qafas regolatorju l-ħin kollu, filwaqt li jappoġġjaw lin-negozji biex jindirizzaw sfidi differenti, fosthom dawk fil-qasam tax-xogħol, l-immaniġġjar tal-iskart u l-effiċjenza fl-operat.
Michelle Muscat, President tal-ACE, qalet li l-istħarriġ sar fost diversi operaturi, fejn għalkemm qed ikun innotat li l-persentaġġ ta’ infiq naqas bi ftit fl-aħħar sitt xhur tas-sena l-oħra, irrimarkat li l-aspetti, li setgħu wasslu għal dan, jistgħu jkunu ħafna.
“Il-fatt hu li aħna qed nikkumparaw l-aħħar sitt xhur tas-sena mal-ewwel sitt xhur tas-sena, jiġifieri meta aħna nerġgħu nagħmlu studju fis-sitt xhur li ġejjin, nistgħu nikkumparaw l-ewwel sitt xhur mat-tieni sitt xhur. Tgħidli x’differenza tagħmel? Tagħmel differenza kbira, għax inti ovvjament għandek il-peak season fit-turiżmu li hu fis-sajf, għandek il-Milied, l-Ewwel tas-Sena, il-Valentines, il-Mother’s Day. Dawn ikunu ċerti festi li jkun hemm peak fil-business, allura inti trid tikkumpara like with like.”
Michelle Muscat, President, ACE
L-istatistiku l-Professur Vincent Marmarà, li mexxa dan l-istħarriġ, qal kif dan sar fost 311-il stabbiliment tal-catering f’pajjiżna u dawk li wieġbu taw stampa aħjar ta’ dak li għandu x’jaqsam mal-operat tagħhom.
“Dan hu studju, issa qiegħed isir kull sitt xhur, biex wieħed bażikament jifhem ftit l-industrija mill-perspettiva tagħhom, x’qegħdin jgħidu rigward ir-revenue, sales, jekk hux qed jippjanaw li jinvestu jew le, biex wieħed jista’ jkun jieħu stocktake tal-industrija stess x’qegħdin jgħidu huma rigward il-business tagħhom.”
Prof. Vincent Marmara, Statistiku
Preżenti kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, fejn tkellem dwar il-fatt li, meta bħala pajjiż niġu biex jittieħdu ċerti deċiżjonijiet, hu importanti li jingħataw widen għal assoċjazzjonijiet, bħall-ACE, li tirrapreżenta aktar minn 2,000 stabbiliment.
“Hemm diversi sfidi, bħal kemm jiflaħ iżjed stabbilimenti s-suq, sfidi tal-ħaddiema, taħriġ tal-ħaddiema barranin, is-Skills Pass … kellmuni dwar il-piż tat-taxxa u l-VAT u anke l-iskema BCRS, fost affarijiet oħrajn. Huma temi li wħud minnhom nistgħu naħdmu fuqhom, uħud minnhom huma iżjed diffiċli, iżda l-Gvern kommess li mhux biss jisma’, iżda jaħdem id f’id mal-ACE u man-negozji Maltin u Għawdxin.”
Ian Borg, Deputat Prim Ministru