Pajjiżna jinsab fost l-aqwa għaxar pajjiżi li tista’ tivvjaġġa fihom.
Dan skont stħarriġ li sar mill-kumpanija Ingliża Uswitch.
F’dan l-istħarriġ kien hemm tletin pajjiż, il-maġġoranza tagħhom Ewropej.
Dan l-istħarriġ qabbel il-ħin ta’ kemm wieħed idum jivvjaġġa bejn post u ieħor, u kemm tiġih flus biex imur minn post għall-ieħor.
Hawnhekk Malta tpoġġiet fis-seba’ post.
L-istħarriġ mill-kumpanija Ingliża qal li l-prezz medju għal kull litru ta’ fjuwil huwa ta’ ewro u tlieta u tletin ċenteżmu.
F’pajjiżi bħall-Italja u l-Greċja, il-fjuwil huwa tletin ċenteżmu iżjed minn dak ta’ Malta.
Ħdejn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, kemm il-prezz tal-fjuwil u anke ta’ tal-linja huma rħas.
Meta wieħed jara l-medja ta’ kemm wieħed iħallas fix-xahar għal tal-linja, Malta għandha wkoll fost l-irħas prezzijiet.
Meta wieħed jivvjaġġa b’tal-linja f’Malta, f’xahar jonfoq ftit iktar minn ħamsa u għoxrin ewro.
Fl-Italja l-prezz tat-trasport pubbliku f’xahar huwa kważi għaxar ewro iżjed minn ta’ pajjiżna. Waqt li f’pajjiżi bħal Spanja, l-Awstrija u Franza l-prezz jaqbeż l-erbgħin ewro.
Minn Ottubru tas-sena d-dieħla, it-trasport pubbliku f’pajjiżna se jkun b’xejn għal kull min hu residenti f’Malta, hekk kif imħabbar fil-budget għas-sena d-dieħla.