Fl-ewwel stħarriġ politiku ppubblikat mill-gazzetta it-Torċa wara l-elezzjoni ġenerali, il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ rreġistra fiduċja qawwija mill-elettorat.
Fil-fatt, id-differenza fil-fiduċja bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech hija ta’ 27.8 fil-mija, filwaqt li d-distakk bejn il-partiti huwa ta’ 16.5 fil-mija favur il-Partit Laburista.
L-istħarriġ beda jsir qabel tħabbar il-Budget għas-sena d-dieħla, u fih il-Maltin ġew mistoqsija lil min jafdaw biex imexxi lil pajjiżhom f’mumenti li qed joffri wkoll sfidi internazzjonali.
B’kollox, 50.1 fil-mija qalu li jafdaw lil Robert Abela, filwaqt li 22.3 fil-mija qalu li jafdaw lil Bernard Grech. Fil-kumplament, kien hemm ftit – madwar 2.5 fil-mija – li qalu li jafdaw lil xi ħaddieħor, jew inkella dawk li wieġbu qalu li ma jafux jew li ma jafdaw lil ħadd.
Dan ir-riżultat b’saħħtu favur it-tmexxija ta’ Robert Abela jibqa’ wieħed konsistenti u huwa wkoll rifless fil-fiduċja li qed jikseb il-Partit Laburista.
Fl-istħarriġ tiegħu ,Vince Marmarà jistaqsi wkoll kieku kellha ssir elezzjoni għada l-Maltin lil min jivvotaw, bir-riżultat favur il-Partit Laburista jkun dak ta’ 42,000 vot. Dan hu saħansitra ftit aħjar mir-riżultat ta’ Marzu li għadda, li kien l-akbar distakk li l-Partit Laburista kiseb f’elezzjoni ġenerali.