Il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ fdat mill-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin.
Wera dan l-aħħar ‘trust barometer’ tal-Maltatoday ippubblikat il-Ħadd filgħodu, hekk kif fih il-Prim Ministru kiseb iktar fiduċja milli kiseb fl-aħħar stħarriġ ta’ Ottubru.
Fir-rapportaġġ tagħha l-Maltatoday tgħid “Abela trounces Grech all around.”
47.8% qalu li għandhom fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela biex ikompli jmexxi pajjiżna ’l quddiem. Dan ifisser li fuq riżultat diġà b’saħħtu xahrejn ilu, Robert Abela reġa’ żied fil-fiduċja fost in-nies.
Kienu biss 22% li esprimew fiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, li f’Ottubru kien diġà kiseb l-agħar riżultat f’kemm ilu Kap. Fil-fatt, issa rkupra ftit żgħira, għalkemm għad hemm kważi nofs in-Nazzjonalisti nfushom li jgħidu li ma jiddikjarawx fiduċja fih.
Dan ifisser ukoll li Robert Abela huwa fdat 25.8% iktar minn Bernard Grech.
L-istħarriġ jgħid ukoll li l-Prim Ministru huwa fdat iktar kemm fost in-nisa u kemm fost l-irġiel u huwa fdat iktar fost l-etajiet kollha u r-reġjuni kollha.
Fejn jidħlu l-partiti politiċi hemm differenza ta’ 12.2% favur il-Partit Laburista fost dawk li ddikjaraw il-vot tagħhom.