Stħarriġ tal-opinjoni pubblika fil-maltatoday ipoġġi lill-Prim Ministru Joseph Muscat bħala l-iktar mexxej fdat f’pajjiżna. Fost oħrajn baqa’ jispikka għall-mod kif fost dawk imsejħa ‘switchers’ igawdi fiduċja li hija kważi d-doppju ta’ dik li jgawdi Busuttil. Fost is-switchers 48.1% wieġbu li jafdaw lil Joseph Muscat, filwaqt li 25% biss għażlu lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Fl-istħarriġ, li sar qabel faqa’ l-iskandlu tal-pagi tal-Partit Nazzjonalista, Muscat igawdi l-fiduċja ta’ 40.2% ta’ dawk li wieġbu għalih, filwaqt li Simon Busuttil ta’ 33.1.%.
B’hekk, fil-ġimgħa li Joseph Muscat għalaq erba’ snin bħala Prim Ministru ta’ Malta baqa’ jżomm konsistenti l-appoġġ b’saħħtu meta mqabbel mal-Kap tal-Oppożizzjoni. Xi ħaġa li rari kienet issir f’amministrazzjonijiet oħra meta l-Kap tal-Gvern kien isibha diffiċli jżomm appoġġ daqstant b’saħħtu waqt li fit-tmexxija.
Intant, meta mistoqsija lil min jivvotaw kieku kellha ssir elezzjoni għada l-Partit Laburista kiseb 34.8%, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 30.8%. Biex hawn il-Partit Laburista qed igawdi vantaġġ ta’ 4%.
Dejjem skont l-istħarriġ, jekk wieħed ineħħi dawk li qed jgħidu li mhux ċerti u dawk li sa issa qed jgħidu li mhux se jivvotaw il-Partit Laburista jkun qed jikseb 51% tal-voti u l-Partit Nazzjonalista 45.1%.
Bħal każ tal-mexxej tiegħu l-Partit Laburista wkoll igawdi iktar appoġġ fost dawk imsejħa ‘switchers’ bi 38.5% jgħidu li jgħażlu Labour u 26.9% fil-mija jgħidu li jgħażlu Partit Nazzjonalista.
Dan l-istħarriġ qed sar sena qabel jispiċċa l-mandat tal-gvern meta l-Oppożizzjoni issa ilha snin iffukata fuq li tikkampanja, filwaqt li l-gvern iffokat fuq it-tmexxija tal-pajjiż. Fil-fatt Joseph Muscat innota iktar minn darba li f’dan il-mument xogħlu mhux li jikkampanja iżda li jkompli jikseb is-suċċessi fit-tmun tal-pajjiż.