Stħarriġ ippubblikat fil-gazzetta Maltatoday juri fiduċja b’saħħitha fil-Prim Ministru Robert Abela filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni kiseb fost l-agħar riżultati.
Fl-ewwel stħarriġ għal din is-sena, skont il-Maltatoday, il-Mexxej Laburista għandu trust rating ta’ 45% filwaqt li l-Kap Nazzjonalista għandhom fiduċja fih inqas minn 20% tal-elettorat.
Dan ifisser distakk ta’ aktar minn 25% bejn iż-żewġ mexxejja.
Il-Prim Ministru huwa fdat iżjed mill-Kap tal-Oppożizzjoni fost in-nisa u l-irġiel, f’kull kategorija t’età u f’ħames minn sitt reġjuni madwar il-pajjiż.
Fost l-aktar kategorija żagħżugħa, jiġifieri bejn 16 u 35 sena, il-Prim Ministru huwa fdat iżjed mid-doppju tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Dr Abela jgawdi fiduċja b’saħħitha ta’ kważi 90% fost dawk li vvuttaw lill-Partit Laburista u aktar minn 3% tal-votanti Nazzjonalisti filwaqt li Bernard Grech jgawdi ftit iżjed min-nofs il-fiduċja tal-votanti Nazzjonalisti (57.3%) u inqas minn 1% tal-votanti Laburisti.
L-istħarriġ juri wkoll żieda fl-appoġġ għall-Partit Laburista, li l-Maltatoday tgħid li żied għall-ewwel darba sa mill-elezzjoni ġenerali lil hawn.
Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista naqqas fl-appoġġ u issa kiseb 22.8% kontra t-38.7% għall-Partit Laburista.
Il-Maltatoday tinnota wkoll żieda f’dawk li ma jridux jivvutaw u fil-fatt fit-titlu tirrimarka ‘Non-voters exceed PN’.