Stħarriġ ippubblikat fil-gazzetta MaltaToday juri fiduċja b’saħħitha fil-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ li l-Partit Laburista għandu wkoll fiduċja b’saħħitha. Dan hekk kif il-Partit Laburista għandu appoġġ ta’ 51.6% u l-Partit Nazzjonalista ġab 42.8%.
Differenza ta’ kważi disgħa fil-mija, li jfisser distakk ta’ madwar 24,000 vot bejn iż-żewġ partiti.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ li l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela huwa fdat aktar mill-Kap Nazzjonalista Nazzjonalista Bernard Grech. Bil-Prim Ministru għandu appoġġ minn kull faxxa ta’ età u f’kull reġjun f’Malta u f’Għawdex.
Il-Partit Laburista huwa wkoll fdat f’kull kategorija ta’ età, b’mod speċjali miż-żgħażagħ.
Il-gazzetta MaltaToday innotat li f’Għawdex, il-Partit Nazzjonalista għandu punt perċentwali aktar mill-Partit Laburista. Hawnhekk il-Partit Nazzjonalista naqqas 15% mill-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar fi Frar li għadda.
Sorsi fid-Dar Ċentrali qalu lil ONE News li Għawdex kien sors għal dan it-tnaqqis fil-Partit Nazzjonalista, bil-fazzjoni estremista se tuża dan l-istħarriġ sabiex jikkampanjaw favur il-kandidat Beppe Galea.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ ukoll li l-fiduċja fil-Gvern telgħet għal 3.1 minn ħamsa, l-akbar fiduċja li ngħatat lejn il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar sentejn.