It-trust rating ta’ Robert Abela baqa’ wieħed b’saħħtu ħafna, b’46.9% tal-Maltin jgħidu li għandhom fiduċja fil-Prim Ministru attwali biex imexxi l-pajjiż ‘il quddiem.
Id-differenza bejn iż-żewġ mexxejja hi ta’ 28.8%, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jibqa’ sejjer mill-ħażin għall-agħar u jikseb biss il-fiduċja ta’ 18.1% ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ tal-maltatoday.
Dan ir-rating hu konsistenti ma’ dak li l-Prim Ministru ilu jikseb f’dawn l-aħħar snin. Fir-rapportaġġ tagħha l-Maltatoday stess tinnota li dan hu rating b’saħħtu.
Fil-fatt, wieħed irid jinnota li dan it-trust rating huwa saħansitra ogħla minn dak li l-Maltaoday kienet qed tagħti lill-Prim Ministru qabel l-elezzjoni ta’ Marzu, fl-eqqel ta’ kampanja elettorali. Eventwalment Robert Abela ngħata l-ikbar mandat biex imexxi l-pajjiż.
Fil-fatt, anke fejn jidħlu partiti, il-maltatoday qed tagħti l-istess riżultati tal-istħarriġ ta’ qabel l-elezzjoni.
Skont l-istħarriġ tal-Maltatoday Robert Abela igawdi iktar fiduċja fost l-etajiet kollha u fir-reġjuni kollha tal-pajjiż.
Intant, b’rabta mal-partiti l-Maltatoday tgħid li bħalissa hemm apatija, għalkemm il-Partit Laburista jgawdi minn vantaġġ ta’ kważi 20%. Tant li t-titlu tal-Partit Nazzjonalista jgħid li “PN suffers most.”