Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, ħabbret li stħarriġ, li sar fl-aħħar ġimgħat mill-kumpanija Sagalytics tal-Professur Vincent Marmara, sab li iżjed minn 54% f’pajjiżna jaqblu ma’ kaċċa sostenibbli pprattikata b’mod regolat.
Il-federazzjoni qalet li din hi bidla pożittiva fl-aċċettazzjoni soċjali tal-prattika tradizzjonali tal-kaċċa f’pajjiżna, partikolarment meta jitqies li stħarriġ simili s-sena li għaddiet kien sab li kważi erbgħa fil-mija inqas kellhom l-istess tweġiba għall-mistoqsija “Taqbel li l-kaċċa sostenibbli tiġi pprattikata fil-pajjiż b’mod regolat kif inhi bħalissa?”.
Ir-riżultat, li joħroġ mill-istħarriġ ta’ Settembru li għadda, hu iżjed sinifikanti meta jitqabbel mar-referendum li kien sar f’April tal-2015, li għadda favur il-kaċċa b’maġġoranza ta’ 37.4%.
L-FKNK qalet li tittama li din l-informazzjoni tikkontribwixxi favur deċiżjonijiet informati u bilanċjati fid-diskussjonijiet futuri dwar il-ġestjoni tal-organiżmi selvaġġi u l-politika ta’ konservazzjoni lokali u tistenna bil-ħerqa djalogu u kollaborazzjoni kontinwi dwar dawn il-kwistjonijiet kritiċi.