Il-fiduċja fil-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela baqgħet waħda b’saħħitha u hi kważi d-doppju minn dik tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech. Dan joħroġ mill-ewwel stħarriġ tal-opinjoni pubblika għal din is-sena mill-istatistiku Dr Vincent Marmarà u ġie ppubblikat f’It-Torċa.
Id-distakk bejn Robert Abela u Bernard Grech hu ta’ 21%. Dan hekk kif fost dawk li wieġbu l-istħarriġ, aktar minn 44.2% iddikjaraw li għandhom fiduċja fil-Prim Ministru u kienu biss mat-23.3% li ddikjaraw il-fiduċja tagħhom f’Bernard Grech.
Dan l-isħarriġ sar wara li tħabbret inizjattiva importanti mill-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, li se tara stabbiltà fil-prezzijiet mill-1 ta’ Frar ta’ madwar 400 prodott tal-ikel essenzjali li se jorħsu b’mill-inqas ħmistax fil-mija fuq kemm kienu qed jinbiegħu f’Ottubru li għadda.
Dan l-istħarriġ sar ukoll f’mument ta’ taqlib internazzjonali bil-gwerer fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani u jagħti vantaġġ b’saħħtu wkoll lill-Partit Laburista.
Fost oħrajn, ħareġ li kieku kellha ssir elezzjoni għada, il-Partit Laburista jikseb appoġġ ta’ 53% tal-elettorat, waqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb appoġġ tal-elettorat li hu ħdax fil-mija inqas. Distakk li, skont Marmarà, jkkwantifika f’madwar 27,000 vot.