Il-maġġoranza tar-ristoranti f’pajjiżna qed ibassru li jkollhom sena pożittiva fl-operat tagħhom għal din is-sena.
Dan ħareġ minn stħarriġ li għamlet l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, fost 70 ristorant f’Malta u f’Għawdex.
Fil-fatt, 67 fil-mija tal-parteċipanti f’dan l-istħarriġ, li nħadem mill-kumpanija Deloitte, irrispondew li qed ibassru li jkollhom sena tajba jew tajba ħafna għal din is-sena. Min-naħa l-oħra, 26 fil-mija qalu li qed jaħsbu li jkollhom sena simili għal dik li għaddiet. L-aktar ristoranti li qed ibassrru sena tajba huma dawk fiċ-ċentru ta’ Malta.
Intant, 73 fil-mija rrapportaw żieda fid-dħul tagħhom is-sena li għaddiet meta mqabbel mal-2021, filwaqt li 15 fil-mija rrapportaw nuqqas, bil-kumplament tal-parteċipanti ma rawx tibdil fid-dħul tagħhom.
Waqt il-preżentazzjoni ta’ dan l-istħarriġ, il-President tal-MHRA, Tony Zahra, qal li l-assoċjazzjoni se tibqa’ taħdem id f’id mal-Gvern sabiex din l-industrija tibqa’ sostenibbli minkejja l-isfidi internazzjonali, fost oħrajn. Is-Sur Zarha żied jgħid li kollettivament għandha ssir ħidma biex tiżdied l-esperjenza ta’ kwalità, b’mod ħolistiku, għal kull min jagħżel li jmur jiekol f’ristorant.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, afferma mill-ġdid l-impenn tal-Gvern biex l-industrija tal-ospitalità tibqa’ tiżviluppa, anke bħala parti mill-prodott turistiku Malti.