Jekk il-Covid-19 ser tibqa’ magħna għal xhur sħaħ u l-vaċċin ma jkunx joffri biżżejjed protezzjoni il-maġġoranza assoluta tan-nies jaqblu li jitgħallmu jgħixu bil-Covid-19 b’ċertu restrizzjonijiet imma li mhux lock-down.
Hekk sab stħarriġ li għamel l-istatistiku Vincent Marmarà li sab kif fost kampjun ta’ 800 persuna 83.3% tan-nisa u kważi 90% tal-irġiel kienu ta’ din l-opinjoni.
Dan filwaqt li 13.1 fil-mija tan-nisa u 8.5% tal-irġiel huma favur li nitgħallmu ngħixu bil-Covid-19 bl-ebda restrizzjonijiet.
3.6% biss kemm tan-nisa u tal-irġiel urew l-opinjoni li jekk il-Covid-19 tibqa’ magħna, Il-Gvern għandu jaqfel lill-poplu f’daru għal żmien twil.
Stqarr li meta tħares lejn ir-riżultat skond l-etajiet, iż-żgħażagħ kienu l-iktar li għażlu li n-nies għandhom jidraw normalità ġdida.
Dr. Marmarà spjega: “Meta wieħed iħares skont l-etajiet naraw li ż-żgħażagħ kienu dawk li l-aktar li qalu li għandna nadattaw għal din in-normalità l-ġdida mingħajr restrizzjonijiet ta’ xejn, fl-istess ħin dawk ta’ sittin sena u aktar, l-aktar li qalu li l-poplu għandu jinżamm maqful f’daru għal żmien twil. Minkejja dawn iż-żewġ riżultati partikolari, il-maġġoranza assoluta ta’ kull età li għandna qalu li għandna nidraw ngħixu f’din in-normalità ġdida imma b’ċertu restrizzjonijiet li mhux lockdown.”
Marmarà spjega li meta kienu mistoqsija x’restrizzjonijiet taħseb li għandu jagħmel il-Gvern minħabba l-Covid-19, 23% stqarru li huwa importanti li jkun hemm infurzar tajjeb tal-miżuri li jidħlu. Oħrajn stqarrew li ma jitħallewx isiru attivitajiet tal-massa u li jsiru testijiet għall-virus fuq kull turist li jasal Malta.