Stħarriġ xjentifiku juri kif il-Maltin u l-Għawdxin taw analiżi pożittiva għat-tmexxija ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru. Fil-fatt, il-maġġoranza assoluta tal-Maltin jemmnu li Joseph Muscat ħalla effett pożittiv fuq il-ħajja tagħhom u fuq il-pajjiż.
Dan irriżulta mill-stħarriġ xjentifiku tal-Istatistiku Vincent Marmara li sar fl-aħħar jiem, proprju f’mument fejn il-Prim Ministru reġa’ kien fil-mira ta’ attakk tal-Oppożizzjoni u organizzazzjonijiet li jappoġġjawha u ġimgħa qabel itemm il-perjodu tiegħu fit-tmexxija tal-partit u l-pajjiż.
Mistoqsija kif Joseph Muscat affettwa l-ħajja tagħhom 53.8% tal-Maltin wieġbu li Joseph Muscat affettwa l-ħajja tagħhom b’mod pożittiv. Kienu biss 39.9% li qalu li dan ma kienx il-każ, filwaqt li kien hemm 6.2% li indikaw li ħajjithom baqgħet għaddejja l-istess. Meta mistoqsija dawk li taw il-fiduċja tagħhom lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali li għaddiet kienu 93.7% li qalu li t-tmexxija ta’ Joseph Muscat fissret għalihom esperjenza pożittiva. Kienu inqas minn 5% li wieġbu fin-negattiv fl-istħarriġ li ppublikat il-gazzetta KullĦadd.
Il-fatt li Joseph Muscat għandu approvazzjoni simili għal dik li kiseb fl-elezzjonijiet ġenerali li rebaħ b’maġġoranza straordinarja jixhed li minkejja l-attakki tal-aħħar ġimgħat Joseph Muscat żamm b’saħħtu sal-aħħar il-moviment li mexxa u beda madwar il-Partit Laburista.
Tant li meta mistoqsija lil min jivvutaw kieku kellha ssir elezzjoni għada l-Partit Laburista żamm l-istess riżultat li kellu f’Ġunju tal-2017.
L-analiżi tal-Istatistiku Vince Marmara turi li d-distakk bħalissa bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista f’każ ta’ elezzjoni ġenerali għada huwa dak ta’ 10.8% favur il-Partit Laburista. Jidher biċ-ċar li l-Partit Nazzjonalista mhux qiegħed jieħu voti minn dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Fil-fatt iċ-ċaqliq bejn il-partiti huwa minimu ħafna, b’hekk il-partiti bħalissa qegħdin iżommu l-istess riżultat għal dak tal-2017.
Nota: Dan l-istħarriġ sar minn Sagalytics fit-2 u t-3 ta’ Jannar 2020 permezz tat-telefown. Il-kampjun miġbur kien dak ta’ 450 b’Confidence Level ta’ 95% u Confidence Interval ta’ ±4.6% fost dawk in-nies ta’ età minn 16–il sena ’l fuq.